ĦAGGAJ Ħarsa ħafifa lejn il-ktieb - Maltese Bible with DC
Ħarsa ħafifa lejn il-ktiebSas-sena 520 QK, ħafna mil-Lhud kienu reġgħu lura lejn arthom mill-eżilju tal-Babilonja. Il-mexxejja kienu saru sinjuri u bdew jgħixu tajjeb, iżda l-bqija tal-popolazzjoni kien jeħtiġilha tistinka biex taqla’ l-għixien ta’ kuljum.Dan il-ktieb hu sensiela ta’ messaġġi qosra ġejjin minn Alla permezz tal-Profeta Ħaggaj. Il-Mulej ried jiġbed l-attenzjoni tal-poplu, li għalkemm kienu ilhom xi snin jgħixu f’Ġuda, wara r-ritorn tagħhom mill-eżilju, il-poplu ma kienx għadu ħaseb biex jerġa’ jibni t-Tempju.Il-fatt li l-poplu ma tantx wera interess fil-preżenza ta’ Alla f’nofsu, li kienet irrappreżentata mit-Tempju, kien ġab fuqu l-miżerja li kien qed jgħix fiha. Kien jidher ċar li l-Lhud urew nuqqas ta’ rispett lejn Alla li ġabarhom lura f’arthom. Kien minħabba f’hekk, li Alla ma berikhomx.Il-profeta beda jħeġġeġ lill-mexxejja li jerġgħu jibnu t-tempju mill-ġdid, u Alla kien qed iwegħedhom il-barka tiegħu mill-ġdid. Bil-barka ta’ Alla, il-poplu kellu jieħu r-ruħ u jerġa’ jduq il-prosperità u l-paċi. Il-bini tat-tempju reġa’ beda fis-sena 520 u tlesta għall-ħabta tas-sena 515 QK.Il-poplu mġedded u ppurifikat fil-qima tal-Mulej, isib il-paċi mixtieqa.U issa ġibu quddiem għajnejkom, … mill-jum li fih tqiegħdu s-sisien tas-santwarju tal-Mulej: ġibu quddiem għajnejkom jekk għadx baqa’ qamħ fil-maħżen, jew jekk id-dielja u t-tina u r-rummiena u ż-żebbuġa għadhomx jagħmlu frott! Mil-lum stess jiena nibda nbierkek (2,18-19).It-taqsim tal-ktiebL-ordni biex jerġa’ jinbena t-Tempju (1,1-15)Messaġġi ta’ sabar u tama (2,1-23)