1Lill-mexxej tal-kor. Salm ta’ wlied Koraħ.
2Urejt imħabbtek, Mulej, lejn artek;
reġġajt ’il Ġakobb lura mill-jasar.
3Neħħejt il-ħtija tal-poplu tiegħek;
ħfirtilhom dnubiethom kollha.
4Reġġajt lura l-qilla tiegħek;
taffejt is-saħna tal-korla tiegħek.
5Reġġagħna għal li konna, Alla tas-salvazzjoni tagħna,
warrab minn fuqna l-qilla tiegħek.
6Se tibqa’ għal dejjem tinkorla għalina?
Se tibqa’ għal dejjem tagħdab kontrina?
7Mhux int li terġa’ tagħtina l-ħajja,
biex jifraħ bik il-poplu tiegħek?
8Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek,
u s-salvazzjoni tiegħek agħtina.
9Ħa nisma’ xi jgħid Alla;
il-Mulej is-sliem ixandar,
għall-poplu u l-ħbieb tiegħu,
u għal dawk li jafdaw fih.
10Qrib hi tassew is-salvazzjoni tiegħu
għal dawk li jibżgħu minnu,
biex jgħammar is-sebħ f’artna.
11It-tjieba u l-fedeltà jiltaqgħu,
il-ġustizzja u s-sliem jitbewsu.
12Il-fedeltà mill-art tinbet,
u l-ġustizzja mis-sema tixref.
13Il-Mulej ukoll jagħti l-ġid tiegħu,
u artna tagħti l-frott tagħha.
14Il-ġustizzja quddiemu timxi,
u s-sliem fuq il-passi tiegħu.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.