SALMI 116 - Maltese Bible with DC

Salm 116Fiduċja sħiħa fil-Mulej

1Inħobb il-Mulej, għax sama’

leħen it-tħannin tiegħi;

2għaliex hu tani widen

fil-jum li fih sejjaħtlu.

3Il-ħbula tal-mewt dawruni,

l-irbit tal-Imwiet ħakimni;

fin-niket u l-hemm sibt ruħi.

4Imma isem il-Mulej sejjaħt:

“Mulej, nitolbok, salvani!”

5Ħanin il-Mulej, u ġust;

twajjeb hu Alla tagħna.

6Iħares id-dgħajfa l-Mulej;

jien kont magħkus, u hu ħelisni.

7Erġa’, ruħ tiegħi, għall-mistrieħ tiegħek,

għax il-Mulej għamillek il-ġid.

8Għax mill-mewt ħelisli ’l ħajti,

lil għajnejja mid-dmugħ u ’l riġlejja mit-tfixkil.

9Jien nimxi quddiem il-Mulej

f’art il-ħajjin.

10Bqajt nemmen, imqar meta għedt:

“Jiena mdejjaq ħafna!”

11Jien għedt fin-niket tiegħi:

“Qarrieq hu kull bniedem.”

12Xi rrodd lill-Mulej

għall-ġid kollu li għamel miegħi?

13Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni,

u isem il-Mulej insejjaħ.

14Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi,

quddiem il-poplu tiegħu kollu.

15Għażiża f’għajnejn il-Mulej

hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu.

16Iva, Mulej, jien qaddej tiegħek,

jien qaddej tiegħek, bin il-qaddejja tiegħek.

Int ħallejtli l-irbit tiegħi.

17Lilek noffri sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr,

u isem il-Mulej insejjaħ.

18Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi,

quddiem il-poplu tiegħu kollu,

19fil-btieħi ta’ dar il-Mulej,

ġo nofsok, Ġerusalemm!

Hallelujah!

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help