1 MAKKABIN 13 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 13Xmun il-kap tal-Lhud (142-135 QK)

1Xmun sama’ li Trifon kien ġabar eżerċtu kbir biex jidħol f’art Ġuda u jagħmilha ħerba.

2Kif ra l-poplu mwerwer u maħkum mill-biża’, tela’ Ġerusalemm, ġabar il-poplu kollu

3u għamlilhom il-qalb u qalilhom: “Intom stess tafu x’għamilna aħna, jiena u ħuti, u dar missieri għal-liġijiet u t-tempju mqaddes, u l-gwerer u t-taħbit li rajna ma’ wiċċna.

4Minħabba dan kollu ħuti kollha mietu għal Iżrael, u bqajt jien waħdi.

5Issa, mela, ma jkun qatt minni li nibża’ għal ħajti f’dan iż-żmien kollu ta’ hemm. Għax jien m’iniex aħjar minn ħuti.

6Jien irrid nitħallas għal li sar lil ġensi, lit-tempju mqaddes, lin-nisa u t-tfal tagħkom, għaliex il-Ġentili kollha ftiehmu bejniethom biex jeqirduna għax jobogħduna.”

7U reġgħet xegħlet qalb il-poplu malli semgħu dan il-kliem,

8u wieġbu b’leħen għoli u qalulu: “Kun int il-mexxej tagħna minflok Ġuda u ħuk Ġonatan.

9Iġġieled il-battalji tagħna, u aħna nagħmlu kulma tgħidilna.”

10U ġabar l-irġiel kollha tal-gwerra, ħaffef biex ilesti s-swar ta’ Ġerusalemm, u saħħaħha dawramejt.

11Imbagħad bagħat lil Ġonatan bin Absalom b’eżerċtu qawwi biżżejjed Ġaffa, u dan keċċa n-nies tagħha ’l barra u baqa’ fiha hu.

12Trifon telaq b’eżerċtu kbir minn Ptolemajs biex jidħol f’art Ġuda, b’Ġonatan priġunier miegħu.

13Xmun waqqaf il-kamp f’Adida biswit il-wita.

14Trifon, malli sar jaf li Xmun laħaq flok ħuh Ġonatan u li kien lest jaħbat għalih, bagħat messaġġiera jgħidulu:

15“Lil ħuk Ġonatan żammejnieh f’idejna minħabba l-flus li kellu jagħti lit-teżor tas-sultan tal-uffiċċji li kellu.

16Mela issa ibgħat mitt talent tal-fidda u tnejn minn uliedu b’rahan biex ma jmurx idur kontrina wara li nkunu ħlisnieh. Imbagħad nitilquh.”

17Xmun induna li dan kien kliem biex jingannah, imma bagħat iġib il-flus u t-tfal, biex ma jnissilx mibegħda bejnu u bejn il-poplu u jgħidu:

18“Inqered Ġonatan għax ma bagħatlux il-flus u t-tfal.”

19U bagħatlu t-tfal u l-mitt talent, imma dak kiser kelmtu, u ma telaqx lil Ġonatan minn taħt idejh.

20Wara dawn il-ġrajja Trifon ġie biex jidħol fil-pajjiż u jagħmel ħerba minnu; u daru miegħu u qabdu t-triq lejn Adora, imma Xmun u l-eżerċtu tiegħu baqgħu jsusu warajh kull fejn imur.

21Dawk li kienu fl-Akra bagħtu messaġġiera lil Trifon biex jgħaġġluh jiġi għandhom mid-deżert u jibagħtilhom l-ikel.

22Trifon ħejja l-kavallerija kollha biex imur, imma dak il-lejl għamel ħafna silġ, u minħabba fih ma setax imur. Għalhekk rafa’ l-kamp u telaq lejn Gilgħad.

23Xħin qorob lejn Baskama qatel lil Ġonatan, u difnu hemm.

24Trifon, imbagħad, dar lura u mar lejn pajjiżu.

Id-difna ta’ Ġonatan (142 QK)

25Imbagħad Xmun bagħat iġib l-għadam ta’ ħuh Ġonatan, u difnu f’Modin, il-belt ta’ missirijietu.

26U Iżrael kollu bkieh biki kbir u għamlu luttu sħiħ għal ħafna ġranet.

27U Xmun tella’ fuq il-qabar ta’ missieru u ħutu monument għoli li jidher mill-bogħod, b’ġebel minġur minn wara u minn quddiem.

28Waqqaf seba’ piramidi, waħda biswit l-oħra, għal missieru, għal ommu u għall-erba’ ħutu.

29U dawn il-piramidi żejjinhom bis-sengħa: dawwarhom b’kolonni kbar u mal-kolonni dendel trofej tal-gwerra b’tifkira għal dejjem, u qrib it-trofej naqqax ġfien li jistgħu jarawhom dawk kollha li jkunu jbaħħru.

30Dan hu l-musulew li bena f’Modin, u li għadu hemm sal-lum.

Ir-rebħa tal-indipendenza tal-Lhudija (142 QK)

31Trifon mexa bl-ingann mas-sultan żagħżugħ Antijoku u qatlu.

32U beda jsaltan floku u xidd il-kuruna tal-Asja f’rasu u ġieb ħsara kbira fuq l-art.

33Xmun bena l-fortizzi tal-Lhudija, dawwarhom b’torrijiet għolja u swar kbar, bibien u żbarri, u qiegħed fihom provvisti tal-ikel.

34Imbagħad Xmun għażel lil xi wħud u bagħathom għand is-sultan Demetriju jitolbuh jaħfrilhom it-tribut fuq il-pajjiż, għax kulma kien għamel Trifon ma kienx ħlief serq.

35U għal dawn il-proposti s-sultan Demetriju bagħat iwieġbu u kitiblu din l-ittra:

36“Is-sultan Demetriju lil Xmun, qassis il-kbir u l-ħabib ta’ slaten, u lill-anzjani u l-ġens tal-Lhud, sliem.

37Aħna lqajna l-kuruna tad-deheb u l-palma li intom bgħattulna. Aħna lesti li nagħmlu paċi għal dejjem magħkom u niktbu lill-uffiċjali inkarigati jaħfrulkom it-tribut.

38U kulma ddeċidejna għalikom jibqa’ jseħħ, u l-fortizzi li bnejtu jkunu tagħkom.

39Naħfrulkom kulma nsejtu u kulma nqastu tħallsu sal-lum u t-taxxa tal-kuruna li għandkom tagħtuna; jekk imbagħad hemm xi piż ieħor fuq Ġerusalemm ma jitħallasx iżjed.

40Jekk hemm xi wħud fostkom tajbin biex jinkitbu mal-għases tagħna, ħa jinkitbu, u jkun hemm is-sliem bejnietna.”

41Hekk fis-sena 170 tneħħa l-madmad tal-ġnus minn fuq Iżrael,

42u l-poplu beda jikteb fid-dokumenti u fil-kuntratti: “Fl-ewwel sena ta’ Xmun, il-qassis il-kbir, ġeneral u kap tal-Lhud.”

Ir-rebħiet ta’ Xmun (141 QK)

43F’dak iż-żmien Xmun waqqaf il-kamp f’Geżer, u dawwarha bl-eżerċtu. Bena magna tal-gwerra, ressaqha lejn il-belt, fetaħ selħa f’torri u ħatfu f’idejh.2 Mak 10,32-38.

44U dawk li kienu fil-magna qabżu għal ġol-belt, u qamet taħbila kbira fiha.

45In-nies tal-belt telgħu bin-nisa u t-tfal tagħhom fuq is-swar, bi lbieshom imċarrat, u bdew jgħajtu b’leħen qawwi u jitolbu lil Xmun jagħtihom idu

46u jgħidu: “Iġġibx ruħek magħna skont ħżunitna, iżda skont il-ħniena tiegħek.”

47Xmun ġietu ħniena minnhom u waqqaf il-ġlied. Imma keċċiehom mill-belt, saffa d-djar fejn kien hemm l-idoli, imbagħad daħal fiha bl-għana ta’ innijiet u radd il-ħajr.

48U neħħa minnha kull xorta ta’ tinġis u ġieb jgħammru fiha nies li kienu jħarsu l-liġi, iffortifikaha u bena fiha dar għalih.

49Dawk li kienu fl-Akra, Ġerusalemm, ma setgħux joqogħdu jiġġerrew ’l hemm u ’l hawn mal-pajjiż, jixtru u jbigħu, u għalhekk għafashom l-għaks u ħafna minnhom mietu bil-ġuħ.

50Għalhekk talbu lil Xmun jagħtihom idu, u hu tahielhom. Imma keċċiehom ’il barra minn hemm u naddaf l-Akra mill-qżiżijiet tagħhom.

51U daħlu fiha fit-tlieta u għoxrin tat-tieni xahar tas-sena 171 bl-għana ta’ tifħir, bil-palm, biċ-ċetri, biċ-ċimbali, bl-arpi, bl-innijiet u għana għax kien inqered għadu kbir minn ġo Iżrael.1 Mak 1,36; Ġw 12,13.

52U Xmun ordna li kull sena jgħaddu dan il-jum fil-ferħ. U saħħaħ l-għolja tat-tempju ħdejn l-Akra, u beda jgħammar fiha hu u niesu.

53U Xmun ra li ibnu Ġwanni sar raġel, u għamlu kap tal-eżerċtu. Dan mar jgħammar f’Geżer.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help