MIKEA 5 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 5

1Imma int, Betlehem ta’ Efrata,

ċkejkna fost il-familji ta’ Ġuda,

minnek għad joħroġli

dak li jkun prinċep f’Iżrael;

hu għandu l-bidu tiegħu mill-qedem,

sa minn dejjem ta’ dejjem.

2Għalhekk il-Mulej jitlaqhom

sa meta teħles dik li hi fl-uġigħ tal-ħlas;

imbagħad il-bqija ta’ ħutu jerġgħu lura

fost ulied Iżrael.

3U hu joqgħod jirgħa l-merħla tiegħu

bil-qawwa tal-Mulej,

bil-glorja ta’ isem il-Mulej, Alla tiegħu.

U huma jgħammru fiż-żgur,

għax issa tkun kbira setegħtu,

sa trufijiet l-art.

4U dan ikun is-sliem!

Il-Lhud qalbhom qawwija

L-Assirja, jekk tidħol f’pajjiżna,

u jekk tirfes fil-kastelli tagħna,

inqajmu għaliha seba’ rgħajja,

u tmien prinċpijiet mill-poplu.

5Huma jirgħu ’l-Assirja bis-sejf,

u l-art ta’ Nimrod bix-xwabel misluta.

U jeħlisna mill-Assirja,

jekk din tidħol f’pajjiżna,

u jekk tirfes fuq artna.

Post il-bqija fost il-ġnus

6U jkun il-fdal ta’ Ġakobb fil-ġnus,

fost kotra ta’ popli

bħan-nida li tiġi mill-Mulej,

bħall-irxiex tax-xita fuq il-ħaxix,

li ma jistennew xejn minn ħadd,

lanqas jittamaw fil-bnedmin.

7U jkun il-fdal ta’ Ġakobb fil-ġnus fost kotra ta’ popli,

bħal iljun qalb il-bhejjem tal-foresta,

bħal ferħ ta’ ljun fost merħliet ta’ nagħaġ,

li, meta jgħaddi, jgħaffeġ u jqatta’,

u ħadd ma jeħlisha minn taħt idejh.

8Ħa tintrefa’ idek kontra min jeħodha miegħek,

u jintemmu l-għedewwa kollha tiegħek.

Il-Mulej iwarrab kull tiġrib

9U jiġri f’dak il-jum,

oraklu tal-Mulej,

li ntemm iż-żwiemel tiegħek minn ġo nofsok,

neqred il-karrijiet tiegħek,

10intemm il-bliet ta’ pajjiżek,

inġarraf is-swar tiegħek kollha,

11intemm kull seħer minn idek,

u bassara ma jkollokx iżjed;

12inkisser il-plieri u l-istatwi tiegħek minn ġo nofsok,

xbihat allatek nagħmilhom ħerba,

13intemm ix-xbihat tiegħek tal-Asera,

u ma tinxteħetx aktar fl-art

quddiem l-opri ta’ jdejk.

14U b’korla u saħna kbira nitħallas

mill-ġnus li ma jkunux iridu jisimgħu.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help