ISAIJA 50 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 50

1Dan jgħid il-Mulej:

“Fejn hi l-kitba tad-divorzju,

li biha keċċejt lil ommkom?

Jew min hu dak li jien imdejjen miegħu

u li begħtkom lilu?

Arawni, minħabba ħżunitkom begħtkom,

u minħabba dnubietkom keċċejt lil ommkom.

2Għaliex meta ġejt ma kien hemm ħadd?

Meta sejjaħt ma kien hemm ħadd li jwieġeb?

Jaqaw idi qsaret li ma tistax tifdi?

M’għandix forsi qawwa biex neħles?

Arawni, b’tehdida jien innixxef il-baħar,

nagħmel deżert mix-xmajjar;

il-ħut irejjaħ bin-nuqqas ta’ ilma,

u jmut bil-għatx.

3Inlibbes is-smewwiet bis-swied,

u bl-ixkejjer niksihom.”L-ubbidjenza tal-Qaddej tal-Mulej

4Sidi l-Mulej tani lsien ta’ wieħed jitgħallem,

biex nagħraf ngħin lill-għajjien b’xi kelma.

Ta’ kull filgħodu jqajjimli ’l widinti,

biex nisma’ bħal wieħed jitgħallem.

5Sidi l-Mulej fetaħli widinti,

u jiena ma webbistx rasi,

ma rġajtx lura.

6Tajt dahri lil dawk li kienu jsawtuni,

ħaddejja lil dawk li kienu jnittfuli lħiti;

ma ħbejtx wiċċi mit-tagħjir u l-bżieq,

7Sidi l-Mulej jgħinni,

għalhekk ma nitħawwadx;

għalhekk għamilt wiċċi bħaż-żnied:

jien naf li ma jkollix mniex nistħi.

8Dak li jagħmel ġustizzja miegħi jinsab fil-qrib.

Min se jeħodha miegħi?

Ħa noqogħdu għall-ħaqq flimkien!

Min hu kontrija?

Ħa jersaq lejja!

9Ara, Sidi l-Mulej jgħinni:

min se jagħtini t-tort?

Arahom ilkoll kemm huma jitmermru bħal libsa,

u tikolhom il-kamla.

10Min minnkom jibża’ mill-Mulej,

ħa jisma’ l-kelma tal-qaddej tiegħu.

Min jimxi fid-dlam b’ebda dawl fih,

ħa jittama fil-Mulej, u jistrieħ fuq Alla tiegħu.

11Araw, intom ilkoll tkebbsu n-nar,

u tqabbdu l-vleġeġ mixgħula.

Imxu mela, fid-dawl ta’ narkom,

qalb il-vleġeġ li qabbadtu.

Dan jiġrilkom minn idejja:

fl-uġigħ għad timteddu.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help