SALMI 73 - Maltese Bible with DC

Salm 73IT-TIELET KTIEBSalmi 73—89Ħsibijiet fuq il-frugħa tal-ġid tal-ħżiena

1Salm ta’ Asaf.

Tassew twajjeb hu Alla ma’ min hu sewwa,

ma’ dawk li għandhom qalbhom safja.

2Iżda jien għal ftit ma għotrux riġlejja,

għal ftit ma żlaqtx fil-mixi tiegħi.

3Għax ġietni l-għira għall-kburin,

xħin rajt il-ħżiena jimxu ’l quddiem.

4Għax dawn ma għandhom ebda tbatija,

qawwijin u sħaħ f’ġisimhom.

5M’għandhomx taħbit bħall-bnedmin tad-dinja;

mhumiex imsawtin ma’ wlied Adam.

6Bħal ħannieqa ġawhar iżżejjinhom kburithom;

tgħattihom bħal libsa d-dnewwa tagħhom.

7Mis-simna tagħhom toħroġ ħżunithom,

qalbhom tfawwar bi ħsibijiet fiergħa.

8Jiddieħku u bil-qerq jitkellmu;

kollhom imkabbra jheddu bil-moħqrija.

9Sa kontra s-sema jqassu;

lsienhom mal-art kollha jlaħħaq.

10Għalhekk magħhom iżomm il-poplu tiegħi,

u jixrob kliemhom bħall-ilma.

11U jgħidu: “X’jista’ jaf Alla?

Huwa l-Għoli jaf b’xi ħaġa?”

12Dawn, ara, huma l-ħżiena:

moħħhom dejjem mistrieħ,

u jistagħnu dejjem.

13Mela għal xejn żammejt qalbi safja,

u ħsilt idejja b’sinjal ta’ ndafa.

14Xorta waħda kuljum ġejt imsawwat,

u kull filgħodu ħadt il-kastig.

15Kieku għedt li hekk għandi nitkellem,

kont niċħad ir-razza ta’ wliedek.

16Fittixt kif għandi nifhimha,

u sibtha wisq bi tqila.

17Imbagħad dħalt fit-tempju ta’ Alla,

u għaraft sewwa x’inhu t-tmiem tal-ħżiena.

18Tassew li int fuq art tiżloq tqegħedhom,

u fit-tiġrif twaqqagħhom.

19Ara, kif tħarbtu f’daqqa waħda;

kif għebu u ntemmu bil-biża’!

20Bħal ħolma ta’ min jistenbaħ, Mulej Sidi,

hekk int, malli tqum, ma tqishom xejn.

21Meta kienet tinkedd qalbi

u kont ninfena ġewwa fija,

22kemm kont iblah, xejn ma fhimt,

bħal bhima jien kont quddiemek.

23Imma jiena dejjem miegħek;

inti żżommni minn idi l-leminija;

24skont il-ħsieb tiegħek tmexxini,

imbagħad fis-sebħ tilqagħni.

25Lil min għandi fis-sema ħliefek?

U meta għandi lilek, x’jonqosni fuq l-art?

26Qegħdin jinfnew ġismi u qalbi;

Alla l-qawwa ta’ qalbi u sehmi għal dejjem.

27Għax kull min jitbiegħed minnek jintilef;

int teqred ’il kull min jinfired minnek.

28Iżda jiena l-hena tiegħi li nkun qrib Alla;

f’Sidi l-Mulej qegħedt il-kenn tiegħi;

u nxandar l-għemejjel tiegħek kollha.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help