1Kliem Għamos, li kien mir-rgħajja ta’ Tekugħa.
Dak li ra dwar Iżrael fi żmien Għużżija,
sultan ta’ Ġuda,
u fi żmien Ġerobogħam bin Ġowas,
sultan ta’ Iżrael,
sentejn qabel it-terremot.
2Hu qal: “Il-Mulej iriegħed minn Sijon,
u jsamma’ leħnu minn Ġerusalemm;
dbielet il-ħdura tal-mergħat tar-rgħajja
u nixfet il-quċċata tal-Karmel.”Damasku
3Dan jgħid il-Mulej:
“Għal tliet dnubiet ta’ Damasku,
erbgħa anzi,’
ma rreġġax lura kelmti,
għax dirsu lil Gilgħad bi xtabi tal-ħadid.
4Nibgħat in-nar fid-dar ta’ Ħażajel
u jeqred il-palazzi ta’ Benħadad;
5inkisser l-istaneg ta’ Damasku,
u neqred lil dawk li jgħammru f’wied Awen
u ’l dak li jżomm ix-xettru f’Bet-għeden;
u l-poplu tas-Sirja jittieħed f’Kir,”
jgħid il-Mulej.Gaża
6Dan jgħid il-Mulej:
“Għal tliet dnubiet ta’ Gaża,
erbgħa anzi,
ma rreġġax lura kelmti,
għaliex kaxkru fl-eżilju poplu sħiħ
biex jagħtuh f’idejn Edom;
7nibgħat in-nar fuq is-swar ta’ Gaża,
u jeqred il-palazzi kollha tagħha;
8neqred lil dawk li jgħammru f’Asdod,
u ’l dak li jżomm ix-xettru f’Askalon;
u ndawwar idejja għal fuq Għekron,
u jintemmu l-fdal tal-Filistin,”
jgħid il-Mulej Alla.Tir
9Dan jgħid il-Mulej:
“Għal tliet dnubiet ta’ Tir,
erbgħa anzi,
ma rreġġax lura kelmti,
għaliex kaxkru fl-eżilju poplu sħiħ
biex jagħtuh f’idejn Edom,
u ma ftakrux fil-patt tal-aħwa;
10nibgħat in-nar fuq is-swar ta’ Tir,
u jeqred il-palazzi tagħha.”
Edom11Dan jgħid il-Mulej:
“Għal tliet dnubiet ta’ Edom,
erbgħa anzi,
ma rreġġax lura kelmti,
għaliex għamel għal ħuh bis-sejf,
u warrab kull ħniena,
u żamm għadbu għal dejjem,
u l-qilla tiegħu żammha sal-aħħar;
12għalhekk nibgħat in-nar f’Teman
u jeqred il-palazzi ta’ Bosra.”
Għammon13Dan jgħid il-Mulej:
“Għal tliet dnubiet ta’ wlied Għammon,
erbgħa anzi,
ma rreġġax lura kelmti,
għaliex ċarrtu ħdan in-nisa tqal ta’ Gilgħad,
biex iwessgħu trufijiet arthom;
14inqabbad in-nar fuq is-swar ta’ Rabba,
u neqred il-palazzi tagħha,
b’għajjat f’jum it-taqbida,
u b’tempesta f’jum ir-riefnu;
15u s-sultan tagħhom imur fl-eżilju,
hu u l-prinċpijiet tiegħu miegħu,”
jgħid il-Mulej.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.