LAMENTAZZJONIJIET 4 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 4Il-ġuħ ta’ Ġerusalemm

1Kif ittappan id-deheb,

kif tbiddel id-deheb fin!

Il-ġebel jinsab imxerred

f’ras kull triq.

2Ulied Sijon għeżież,

mitqilhom deheb jiswew!

Kif saru issa qishom biċċa xaqquf,

xogħol id il-fuħħar!

3Imqar ix-xakalli jagħtu sidirhom,

u jreddgħu l-frieħ tagħhom.

Bint il-poplu tiegħi kiefra

bħan-ngħama fid-deżert.

4Ilsien it-tarbija tal-ħalib,

weħel mas-saqaf ta’ ħalqha,

minħabba l-għatx;

it-tfal jittallbu l-ikel,

imma ma jagħtihom ħadd.

5Dawk li kienu jieklu t-tajjeb,

issa bil-ġuħ fit-toroq;

dawk li kienu mrobbija fil-porpra,

issa jitmiegħku fiż-żibel.

6Id-dnub ta’ bint il-poplu tiegħi

akbar mill-ħtija ta’ Sodoma,

li nqalbet f’waqt wieħed,

bla ma ħadd meddilha jdejh.

7Jiddu aktar mis-silġ kienu prinċpijietha,

bojod aktar mill-ħalib;

ġisimhom aħmar aktar mill-qroll,

persunithom bħas-saffir.

8Imma issa wiċċhom iswed aktar mid-dlam,

ma jingħarafx fit-toroq;

ġildithom weħlet ma’ għadamhom,

ibbieset daqs l-għewied.

9Ħabtuha aħjar il-maqtulin bix-xabla

minn dawk li nqerdu bil-ġuħ,

li ntemmu bil-mod, bħalkieku midrubin,

minħabba n-nuqqas ta’ wċuħ l-art.

10In-nisa, minkejja li ħanina,

sajru ’l uliedhom b’idejhom stess,

saru ikilhom,

dakinhar li tkissret bint il-poplu tiegħi.

11Il-Mulej temm il-qilla tiegħu,

sawwab saħnet il-korla tiegħu;

u kebbes in-nar f’Sijon,

u qerdilha s-sisien tagħha.

12Qatt ma emmnu slaten id-dinja,

u dawk li jgħammru fl-art,

li qatt jidħol gwerrier jew għadu

minn bwieb Ġerusalemm.

Il-profeti foloz

13Minħabba ħtijiet il-profeti tagħha,

u dnubiet il-qassisin tagħha,

li xerrdu fiha d-demm tal-ġusti.

14Kienu jixxenglu bħal għomja fit-toroq,

u mċappsa kollha demm,

u lbieshom ħadd ma sata’ jmiss.

15“Warrbu! Ja mniġġsin!” kienu jgħidulhom;

“Warrbu! Warrbu! La tmissuhomx!”

Għad jaħarbu u jiġġerrew fost il-ġnus,

imma n-nies jgħidu:

“Imkien ma jibqgħu.”

16Il-Mulej stess xerridhom,

aktar lejhom ma jħarisx;

ma kienx hemm ġieħ għall-qassisin,

lanqas ħniena għax-xjuħ.

L-aħħar jiem tan-nazzjon

17Għajnejna nfnew, kemm se ndumu

nħarsu għalxejn għall-għajnuna.

Mill-għases tagħna għarrixna

għall-poplu li ma jistax jgħinna.

18Iqisulna l-passi tagħna,

li ma nistgħux nimxu fi triqatna.

Qorob tmiemna, magħduda jiemna,

għax wasal tmiemna.

19Ġrew warajna eħfef

mill-ajkli tas-smewwiet.

Ġrew warajna qalb il-muntanji,

issajjawlna fid-deżert.

20In-nifs ta’ mnifsejna, il-midluk tal-Mulej,

inqabad fil-ħofor tagħhom.

Taħt id-dell tiegħu ngħidu:

“Nistgħu ngħixu fost il-ġnus.”

21Ifraħ u thenna, bint Edom,

int li tgħammar f’art Għus.

Imma għalik ukoll għad jgħaddi l-kalċi,

għad tisker u titgħarwen.

22Intemm dnubek, Bint Sijon,

ma jżommokx iżjed fl-eżilju.

Imma dnubek, bint Edom, jikkastigah;

dnubietek għad jikxifhomlok.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help