PROVERBJI 31 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 31Kliem Lemuwel

1Kliem Lemuwel, sultan ta’ Massa,

li tgħallem mingħand ommu.

2X’se ngħidlek, ibni? X’se ngħidlek, bin ġufi?

X’se ngħidlek, bin il-wegħdi tiegħi?

3Taħlix saħħtek man-nisa,

tagħtix ħajtek lil dawk li jgħarrqu s-slaten.

4Ma jixraqx li s-slaten jixorbu l-inbid,

u li l-mexxejja jieħdu xorb qawwi.

5Jekk ikunu xurbana, jinsew il-liġi,

u jdawru l-ħaqq kontra kull imsejken.

6Ix-xorb qawwi hu għal min hu mdejjaq,

u l-inbid għal min hu qalbu sewda.

7Jixrob u jinsa l-faqar tiegħu,

u ma jiftakarx iżjed fl-hemm tiegħu.

8Iftaħ fommok għall-imbikkmin,

biex taqbeż għal kull min hu msejken.

9Iftaħ fommok u agħmel ħaqq bis-sewwa,

ħares id-drittijiet tal-fqir u l-imsejken.

Il-mara għaqlija

10Mara ta’ ħila min isibha?

Tiswa ħafna aktar mill-ġawhar.

11Fuqha tistrieħ qalb żewġha,

u dan żgur ikunlu ta’ ġid.

12Riżq tajjeb iġġiblu, u mhux ħażin,

il-jiem kollha ta’ ħajjitha.

13Tfittex suf u ħjut tal-qoton,

u taħdmu bil-qalb b’idejha.

14Bħal ġifen tal-merkanti,

hi ġġib mill-bogħod ikilha.

15Tqum ikun għadu billejl,

tħejji l-ikel għan-nies ta’ darha,

u x-xogħol lix-xebbiet tagħha.

16Titfa’ għajnejha fuq għalqa, u tixtriha;

bil-qligħ ta’ idejha tħawwilha dwieli.

17Tħażżem ġenbejha bil-qawwa,

u ssaħħaħ għax-xogħol dirgħajha.

18Tara r-riżq tax-xogħol tagħha;

lanqas billejl ma titfi l-musbieħ tagħha.

19Tmidd idejha għall-magħżel,

jaqbdu d-dussies idejha.

20Tiftaħ mal-fqir idejha,

tmidd idejha lejn l-imsejken.

21Ma tibżax mis-silġ għan-nies ta’ darha,

għax kollha għandhom żewġt ilbiesi.

22Ħwejjiġha hi tagħmilhom;

għażel fin u porpra lbiesha.

23Żewġha magħruf f’bieb il-belt,

meta joqgħod mal-kbarat tal-pajjiż.

24Tinseġ drapp tal-għażel u tbigħu;

u tagħti trieħi lill-merkanti.

25Tilbes bil-ġieħ u l-qawwa,

tħares daħkana lejn il-ġejjieni.

26Kliem l-għerf għandha fuq fommha,

kliem it-tjieba fuq ilsienha.

27Ħsiebha fit-tmexxija ta’ darha,

minn ħobż l-għażż ma tiekol qatt.

28Uliedha jqumu u hienja jsejħulha;

u żewġha wkoll ifaħħarha u jgħidilha:

29“Ħafna nisa wrew ħila kbira

imma inti lkoll għaddejthom.”

30Qarrieqa l-ħlewwa tal-mara, fiergħa sbuħitha;

mara li tibża’ mill-Mulej ta’ min ifaħħarha.

31Agħtuha mill-frott ta’ xogħol idejha.

Ħa jfaħħruha f’bibien il-belt l-għemejjel tagħha.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help