1Maskil. Ta’ Asaf,
Għaliex, o Alla, warrabtna għal dejjem?
Għaliex tħeġġeġ qilltek kontra n-nagħaġ tal-merħla tiegħek?
2Ftakar fil-ġemgħa li ksibt għalik mill-qedem,
it-tribù li int fdejt biex ikun wirtek;
ftakar f’Sijon, li fuqha bnejt l-għamara tiegħek.
3Itla’ sal-post li sar ħerba waħda:
kollox qered l-għadu fis-santwarju.
4Għajtu l-għedewwa fil-post tal-laqgħat tiegħek;
hemm waħħlu l-istendardi tar-rebħa tagħhom.
5Bħal dawk li jxejru l-mannara fl-għoli
biex iqaċċtu s-siġar minn qalb il-bosk,
6hekk huma kissru l-bibien tat-tempju,
bl-imterqa u l-mazza farrkuhom.
7Taw in-nar lis-santwarju tiegħek;
kasbru għalkollox l-għamara tiegħek.
8Qalu f’qalbhom: “Ħa nfarrkuhom għalkollox!”
Ħarqu kull post imqaddes ta’ Alla f’artna.
9Ma għadniex naraw sinjali mis-sema, m’hawnx iżjed profeti;
ħadd fostna ma jaf kemm se ndumu hekk.
10Kemm se jdum iżebilħek l-għadu, o Alla?
Se jibqa’ jkasbarlek ismek għal dejjem?
11Għaliex qiegħed iżżomm idek lura?
Għax taħbi f’ħobbok il-leminija tiegħek?
12Iżda int, Alla, sultan tiegħi sa mill-qedem;
int tikseb ir-rebħa fl-art kollha.
13Int fridt b’qawwietek il-baħar,
u sħaqt irjus id-draguni tal-ilma.
14Int farrakt l-irjus tal-Levjatan,
u tajtu b’ikel lil klieb il-baħar.
15Int ftaħt għejun u widien,
u nixxift xmajjar dejjem għaddejja.
16Tiegħek il-jum u tiegħek il-lejl;
il-kwiekeb u x-xemx int għamilthom.
17Int ħażżejt it-truf kollha tal-art;
is-sajf u x-xitwa inti ħlaqthom.
18Ftakar, Mulej, kif qiegħed ikasbrek l-għadu,
kif il-boloh qegħdin iżebilħu ismek.
19Titlaqx lill-bhejjem lil min ifaħħrek;
tinsiex għal dejjem il-ħajja tal-fqajrin tiegħek.
20Żomm quddiem għajnejk il-patt tiegħek,
għax l-art mimlija dlamijiet u dnewwa.
21Tħallix l-imgħakkes fil-mistħija,
biex il-fqajjar u l-imsejken ifaħħru ismek.
22Qum, o Alla, aqbeż għall-kawża tiegħek;
ftakar kif l-iblah qiegħed ikasbrek il-ħin kollu.
23Tagħlaqx widnejk għall-għajjat tal-għedewwa tiegħek,
għall-ħsejjes bla heda ta’ min jeħodha miegħek.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.