IL-KTIEB TAL-GĦERF 6 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 6Tgħallem l-Għerf

1Isimgħu mela, slaten, u ifhmu;

tgħallmu, intom li taħkmu sa truf l-art;

2agħtu widen, mexxejja tal-kotra,

li tiftaħru bl-għadd tal-ġnus tagħkom!

3Hu l-Mulej li takom is-setgħa,

mingħand l-Għoli l-qawwa tagħkom;

hu jgħarbel l-għemejjel tagħkom,

u jifli bir-reqqa l-fehmiet tagħkom.

4Għalkemm intom qaddejja ta’ saltnatu,

ma qtajtux il-ħaqq sewwa, u ma żammejtux mal-Liġi;

anqas ma mxejtu skont ir-rieda ta’ Alla.

5Bil-biża’ u bil-ħeffa se jiġi jżurkom,

għax bl-aħrax jiġġudika ’l min hu fl-għoli.

6Iż-żgħir isib mogħdrija u ħniena,

imma l-kbir bil-kbir jaqlagħha.

7Għax sid kulħadd ma jħarisx lejn l-uċuħ,

lanqas ma jibża’ mill-kobor ta’ xi ħadd.

Iż-żgħir u l-kbir għamilhom hu,

u xorta waħda jieħu ħsiebhom ilkoll;

8imma s-setgħana jgħarbilhom bir-reqqa.

9Għalikom mela, mexxejja, dan kliemi,

biex titgħallmu l-għerf u ma taqgħux.

10Għax dawk li jħarsu l-kmandamenti mqaddsa bil-qdusija,

jingħaddu mal-qaddisin;

u min tgħallimhom ikollu lilhom jaqbżu għalih.

11Ħa jkollkom mela xewqa għal kliemi,

ixxennqu għalihom u titgħallmuhom.

12L-għerf jiddi, bla qatt ma jnemnem,

malajr jagħrfuh dawk li jħobbuh,

u jsibuh dawk li jfittxuh.

13Hu jħabrek biex jidher lil dawk li jixtiquh.

14Min ibakkar ifittxu, ma jitħabatx,

għax ħdejn biebu bilqiegħda jsibu.

15L-aqwa tal-għaqal hu li taħseb fl-għerf,

u min jishar għalih malajr jeħles mill-inkwiet.

16L-għerf idur u jfittex ’il dawk li jixirqulu,

kollu ħlewwa jidhrilhom fit-triq,

u jiltaqa’ magħhom f’kull ħsieb tagħhom.

17Il-bidu tal-għerf hi xewqa mħeġġa għat-tagħlim;

u l-ħerqa tat-tagħlim hi l-imħabba tiegħu.

18Din l-imħabba hi l-ħarsien tal-liġijiet tiegħu,

u l-ħarsien tal-liġijiet tiegħu jġib l-immortalità;

19u l-immortalità tqarreb lejn Alla.

20Hekk ix-xewqa għall-għerf twassal għas-saltna.

21Intom mela, mexxejja tal-poplu,

jekk jogħġbukom it-tronijiet u x-xettri,

weġġħu l-għerf, biex issaltnu għal dejjem.

22X’inhu l-għerf u mnejn ġie, jien se ngħidilkom;

xejn mistur m’jien se naħbilkom.

Se nibda mill-bidu tat-tnissil tiegħu,

inqiegħed fid-dieher it-tagħrif tiegħu,

ma nħalli xejn barra mis-sewwa.

23Ma rridx miegħi l-għira qerrieda

għax din ma tistax tissieħeb mal-għerf.

24Għadd kbir ta’ għorrief hu s-saħħa tad-dinja,

u s-sultan għaqli jżomm fis-sod il-poplu tiegħu.

25Mela tgħallmu kliemi għall-ġid tagħkom.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help