ĠAKBU Ħarsa ħafifa lejn l-ittra - Maltese Bible with DC

Ħarsa ħafifa lejn l-ittraSan Ġakbu kiteb minn Ġerusalemm madwar is-sena 48 W.K. L-Ittra ta’ Ġakbu hi ittra universali għax biha l-kittieb qed ikellem lill-insara kollha mxerrda mad-dinja magħrufa ta’ żmienu. Għandha x-xeħta ta’ manwal ta’ tagħlim dwar kif in-nisrani għandu jgħix il-fidi tiegħu fil-ħajja ta’ kuljum.Ġakbu ma jaċċettax fidi passiva, anzi, għalih il-fidi toħroġ ċara b’azzjonijiet ta’ mħabba kontinwa. L-ittra tiegħu fiha sensiela ta’ eżempji prattiċi ta’ kif il-fidi vera tista’ tissarraf f’azzjoni.Il-pariri tiegħu huma ċari u bla tlaqliq. M’hemmx post għal qtigħ il-qalb fil-faqar. Lanqas m’għandu n-nisrani jibża’ mill-prova tal-fidi tiegħu. Ir-rabja, l-ilsien, ix-xewqat fiergħa u d-diskriminazzjoni, għandhom jiġu kkontrollati bla waqfien. B’hekk in-nisrani jkun qed jirreżisti lix-xitan.Azzjonijiet pożittivi fil-ħajja tan-nisrani huma l-użu tajjeb tal-ġid materjali favur il-fqir u l-batut. Hemm bżonn li nitgħallmu jkollna s-sabar u l-ġentilezza ma’ kulħadd. Kulma nagħmlu, nagħmluh fis-skiet għall-ġieħ ta’ Alla u mhux għal għajnejn in-nies.L-azzjonijiet tajba, li huma riżultat tal-fidi attiva, isibu l-milja tagħhom fit-talb għal kull min għandu bżonn l-għajnuna ta’ Alla. Is-solidarjetà nisranija toħroġ fid-dieher fil-qawwa tat-talb għal xulxin.Stqarru wieħed lill-ieħor in-nuqqasijiet tagħkom u itolbu għal xulxin, biex hekk tfiqu. It-talba tal-bniedem ġust magħmula bil-ħerqa għandha qawwa kbira (5,16).It-taqsim tal-ittraIntroduzzjoni (1,1)Fidi u għerf (1,2-8)Faqar u għana (1,9-11)Il-prova u t-tentazzjoni (1,12-18)Tisma’ u tpoġġi fil-prattika (1,19-27)M’hemmx diskriminazzjoni (2,1-13)Il-fidi u l-azzjoni (2,14-26)Kif in-nisrani juża lsienu (3,1-18)In-nisrani u d-dinja (4,1—5,6)Tagħlimiet differenti (5,7-20)
Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help