1Ġob issokta jitkellem u qal:
2“Naħlef b’Alla l-ħaj, li ċaħħadni mid-dritt tiegħi,
b’Xaddaj li mela bl-imrar lil ruħi,
3li sakemm iddum il-ħajja fija,
u nifs Alla f’imnifsejja,
4l-ebda ħażen ma jlissnu xufftejja,
anqas gidba ma jgħid ilsieni.
5Ma jkun qatt li nagħtikom raġun,
insostni sa ma mmut is-sewwa tiegħi.
6Inżomm sħiħ mas-sewwa tiegħi u ma nċedix,
ma ċċanfarnix il-kuxjenza dwar ħajti.
7Ħa jkun magħdud mal-ħżiena l-għadu tiegħi,
u ma’ wlied id-dnewwa dak li jmerini.
8Għax, x’tama għandu l-ħażin xħin jitqaċċat,
meta Alla jeħodlu ħajtu?
9Jaqaw jisma’ Alla l-għajjat tiegħu,
meta taqa’ fuqu l-ħsara?
10Isib forsi f’Xaddaj l-għaxqa tiegħu?
Isejjaħ hu lil Alla f’kull żmien?
11Ngħallimkom jien dwar il-qawwa ta’ Alla,
il-ħsieb li għandu Xaddaj ma naħbihx.
12Imma għalfejn? Ilkoll rajtuh dan;
l-għaliex, mela, tintilfu fi kliem fieragħ?”Tweġiba ta’ Sofar
13“Ara kif iħallas Alla lill-ħażin,
x’wirt jerfa’ Xaddaj għal min jaħqar.
14Jekk joktor nislu għas-sejf ikun dan,
uliedu ma jkollhomx x’jieklu.
15Dawk li jħalli warajh tidfinhom il-pesta,
u r-romol tiegħu ma jibkuhx.
16Jekk jaħżen bħat-trab il-fidda,
u jross bħat-tafal balal ta’ ħwejjeġ,
17il-ħwejjeġ li rafa’ jilbishom wieħed ġust,
u l-fidda jiritha bniedem bla ħtija.
18Ikun bena daru bħal għanqbuta,
bħala għarix li talla’ għassies.
19Jimtedd għani iżda ma jerġax,
xħin jistenbaħ ġidu jkun għosfor.
20It-twerwir ikaxkru bħal għargħar,
il-lejl ikaxkru bħal riefnu.
21Riħ mil-Lvant jobormu u jġorru,
jikinsu mill-għamara tiegħu.
22Bla ħniena jonfoħ fuqu,
hu u jaħrab mill-qabda tiegħu.
23Iċapċap għalih idu,
u bi tvenvina jkaxkru minn postu.”
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.