1Lill-mexxej tal-kor. Fuq “Il-Ġilji”. Xhieda. Ta’ Asaf. Salm.
2O Ragħaj ta’ Iżrael, agħti widen,
int li tmexxi bħal merħla ’l Ġużeppi.
Int li qiegħed fuq il-kerubini,
3iddi quddiem Efrajm, Benjamin u Manassi.
Qajjem il-qawwa tiegħek,
u ejja ħa ssalvana.
4Reġġagħna għal li konna, Alla tal-eżerċti;
itfa’ fuqna d-dija ta’ wiċċek, u nkunu salvi.
5Mulej, Alla tal-eżerċti,
kemm se ddum tinkorla minkejja t-talb tal-poplu tiegħek?
6Tmajthom il-ħobż magħġun bid-dmugħ,
sqejthom id-dmugħ bix-xaba’.
7Għamilt minna t-tilwim tal-ġirien tagħna,
l-għedewwa tagħna jiddieħku bina.
8Reġġagħna għal li konna, Alla tal-eżerċti;
itfa’ fuqna d-dija ta’ wiċċek, u nkunu salvi.
9Int qlajt dielja mill-Eġittu,
warrabt il-ġnus biex tħawwel lilha.
10Ħejjejt l-art għaliha;
hi xenxlet għeruqha u mliet l-art.
11Tgħattew l-għoljiet bid-dell tagħha,
bħaċ-ċedri l-kbar il-friegħi tagħha.
12Meddet sal-baħar il-friegħi tagħha,
sax-Xmara ż-żraġen tagħha.
13Għaliex, mela, ġarraft il-ħitan tagħha,
u kull min jgħaddi jqaċċat minnha?
14Iħarbatha l-ħanżir selvaġġ,
il-bhejjem tar-raba’ jirgħu fiha.
15Erġa’ ejja, Alla tal-eżerċti;
ħares mis-sema, u ara,
u żur ’il din id-dielja.
16Ħu ħsieb dak li ħawlet lemintek,
ir-rimja li int kabbart għalik.
17Jinqerdu mal-ħarsa qalila ta’ wiċċek
dawk li tawha n-nar u qaċċtuha.
18Ħa tkun idek fuq il-bniedem ta’ lemintek,
fuq il-bniedem li int saħħaħt għalik.
19Aħna ma nitbegħdux minnek;
roddilna l-ħajja, u aħna nsejħu ismek.
20Reġġagħna għal li konna, Alla tal-eżerċti;
itfa’ fuqna d-dija ta’ wiċċek, u nkunu salvi.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.