1Ħa jifirħu d-deżert u l-art maħruqa;
ħa jifraħ ix-xagħri u jwarrad,
ħa jwarrad bħar-ranġis.
2Ħa tifraħ fuq li tifraħ, taqbeż u tgħanni.
Sebħ il-Libanu jingħata lilha,
il-ġmiel tal-Karmel u ta’ Saron.
Għad jaraw is-sebħ tal-Mulej,
il-ġmiel ta’ Alla tagħna.
3Qawwu l-idejn mitruħa;
saħħu l-irkupptejn imriegħda.
4Għidu lil dawk b’qalbhom imbeżżgħa:
“Agħmlu l-ħila, la tibżgħux!
Araw, Alla tagħkom ġej jitħallas;
il-ħlas ta’ Alla wasal;
Hu stess ġej biex isalvakom.
5Imbagħad jinfetħu għajnejn l-għomja,
jinfetħu widnejn it-torox.
6Imbagħad iz-zopp jaqbeż bħal għażżiela
u lsien l-imbikkma jinħall bil-ferħ.
Iva, igelgel l-ilma fid-deżert,
u l-widien fix-xagħri.
7L-art maħruqa tinbidel f’għadira,
u l-art niexfa f’għejun ta’ ilma ġieri.
Fejn qabel kienu jimteddu x-xakalli,
issa hemm il-ħmiemel tal-qasab u l-ġummar.
8Hemm ikun hemm triq, isejħulha:
‘It-Triq il-Qaddisa’.
Ħadd imniġġes ma jgħaddi minnha,
u l-boloh ma jiġġerrewx fiha.
9Ma jkunx hemm l-iljun,
u ebda bhima feroċi ma titla’ minnha:
minnha jgħaddu l-mifdijin.
10Jerġgħu lura l-mifdijin tal-Mulej,
u jidħlu f’Sijon jgħajtu bil-ferħ,
b’ferħ ta’ dejjem fuq rashom.
Il-ferħ u l-hena jiksbu,
u jgħibu swied il-qalb u l-krib.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.