1Ah! Kif inhi weħidha,
il-belt li kienet tiżgħed bin-nies!
Saret bħal armla
l-kbira fost il-ġnus!
Is-sidt fost l-ibliet,
il-ħaraġ ikollha tħallas.
2Billejl tibki biki tad-demm,
dmugħha jġelben ma’ ħaddejha.
Lil ħadd m’għandha jfarraġha,
minn fost l-egħżeż tagħha;
ħbiebha ttradewha,
u sarulha għedewwa.
3Tela’ Ġuda minħabba l-għaks,
u l-jasar iebes,
jgħammar fost il-ġnus
bla ma jsib mistrieħ.
Dawk kollha li ġrew warajh
laħquh meta kien fl-hemm.
4It-toroq ta’ Sijon jibku,
għall-festi ħadd m’għadu jmur.
Bibienha kollha ħerba;
il-qassisin jitniehdu;
ix-xebbiet tagħha mnikkta,
u hi mgħargħra fl-imrar.
5Dawk li ħaqruha marru minn fuq,
stagħnew l-għedewwa tagħha.
Il-Mulej għakkisha
minħabba l-kotra ta’ dnubietha.
It-tfal tagħha marru fl-eżilju,
misjuqa mill-għadu tagħhom.
6U għeb minn fuq bint Sijon
ġmielha kollu,
il-kbarat tagħha saru bħaċ-ċriev,
il-mergħa ma sabux;
telqu bla saħħa,
quddiem is-sewwieq tagħhom.
7Ġerusalemm tiftakar,
f’jiem l-hemm u l-imrar tagħha,
fil-ġid għażiż li kien tagħha,
sa mill-qedem żminijiet,
meta l-poplu tagħha waqa’ f’idejn l-għadu,
u ħadd ma kien hemm biex jgħinha.
Rawha l-għedewwa tagħha
u ddieħku b’qerditha.
Dnub Ġerusalemm8Ġerusalemm dinbet bil-kbir,
għalhekk saret ħaġa moqżieża;
stmellewha dawk li kienu jfaħħruha,
għax raw l-għera tagħha.
Hi stess titkarrab,
u ddawwar wiċċha ’l hemm.
9It-tingiż ma’ djulha,
ma ħasbet qatt fi tmiemha.
Għalhekk waqgħetha tgħaġġbek,
ħadd m’għandha min isalvaha.
“Ħares, Mulej, lejn il-miżerja tiegħi,
għax l-għadu għelibni.”
10L-għadu medd idejh
għall-ġid kollu l-għażiż tagħha.
Rat il-ġnus deħlin fis-santwarju tagħha,
li int kont għedt ma jidħlux fih
waqt il-ġemgħat tiegħek.
11Il-poplu kollu tagħha jokrob,
u jfittex il-ħobż.
Jibdlu ġidhom l-għażiż mal-ikel,
sabiex jinħjew.
“Ħares, Mulej, ara sewwa,
kif sfajt imkagħbra.
12U intom ilkoll li għaddejjin mit-triq,
ħarsu sewwa u araw,
jekk hawnx hemm bħal hemmi,
li waqa’ fuqi;
li bih il-Mulej għabbieni
fil-jum ta’ saħnet għadbu.
13Xeħetli n-nar mill-għoli,
nifidli sa ġo għadmi;
firex xibka għal riġlejja
u ġagħalni nerġa’ lura;
u għamel minni ħerba sħiħa,
għamilli qalbi sewda,
mifnija l-jum kollu.
14Niseġ madmad minn dnubieti,
b’idejh stess baramhom;
taqqluli għonqi.
Neħħieli saħħti;
irħieni l-Mulej f’idejhom;
ma niflaħx inqum.L-abbandun ta’ Ġerusalemm
15“Iddieħak bil-qalbiena tiegħi,
Sidi li kien ġo nofsi;
sejjaħ kontrija ġemgħa
biex ifarrak iż-żgħażagħ tiegħi;
għaffeġ is-Sid bħalkieku f’magħsar,
ix-xebba, bint Ġuda.
16Għalhekk jien imbikkija,
u d-dmugħ iġelben minn għajnejja;
għax tbiegħed minni
min isabbarni u jaħjini.
Uliedi ħerba
għax rebaħ l-għadu.”
17Sijon meddet idejha,
imma m’hemmx min ifarraġha.
Il-Mulej ordna għal Ġakobb,
li l-ġirien tiegħu jdawruh;
u saret Ġerusalemm,
koċċ qżież ġo nofshom.
18“Ġust hu l-Mulej,
għax jien irvellajt kontra kelmtu.
Isimgħu, mela, popli lkoll kemm intom,
u araw in-niket tiegħi;
ix-xebbiet u ż-żgħażagħ tiegħi
fl-eżilju lkoll marru.
19Il-maħbubin tiegħi sejjaħtilhom,
imma huma daħku bija.
Il-qassisin u l-anzjani tiegħi fil-belt intemmu,
huma u jfittxu l-ikel,
biex jerġgħu jieħdu r-ruħ.
20Ara, Mulej, xi dwejjaq għandi,
imbaqbqa ġewwinija,
imħawda qalbi ġewwa fija,
għax ma ridt nisma’ b’ebda mod.
Barra teqred ’l ulied ix-xabla,
u ġewwa l-mewt.
21Isimgħuni nitniehed,
u ħadd ma jsabbarni.
Semgħu l-għedewwa bil-ħsara tiegħi,
u ferħu b’kulma int għamiltli.
Ġib il-jiem li int ħabbart,
ħalli jiġrilhom bħali.
22Ħa jiġi quddiemek il-ħażen kollu tagħhom,
u għamlilhom kif għamilt lili
għal dnubieti kollha,
għax l-ilfiq tiegħi kbir,
u qalbi nfniet.”
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.