PROVERBJI 2 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 2Il-ġid tal-għerf

1Ibni, jekk int tilqa’ kliemi, u

taħżen ġo fik il-kmandamenti tiegħi

2billi tagħti widen għall-għerf,

u tħalli lil moħħok jifhem sewwa;

3jekk issejjaħ l-għerf,

u tgħolli leħnek għall-fehma t-tajba;

4jekk tfittex l-għerf bħall-fidda,

u tħaffer għalih bħal teżor moħbi;

5imbagħad tifhem il-biża’ tal-Mulej,

u ssib it-tagħrif ta’ Alla.

6Għax il-Mulej jagħti l-għerf,

minn fommu ġej it-tagħrif u d-dehen.

7Hu jaħżen l-għajnuna għal min hu sewwa,

hu tarka għal min jimxi bla ħtija;

8hu jħares it-triqat tal-ġusti,

u jgħasses it-triq tat-twajbin tiegħu.

9Imbagħad int tifhem il-ħaqq u s-sewwa,

u timxi f’kull triq li hi tajba.

10Għax l-għerf jidħollok f’moħħok,

u t-tagħrif ikun l-għaxqa ta’ qalbek.

11L-għaqal jgħasses fuqek,

il-fehma tajba tħarsek,

12teħilsek minn triq il-ħażen,

minn nies ta’ kliem il-għawġ;

13li tilfu t-triq it-tajba,

biex jimxu f’toroq mudlama;

14li l-hena tagħhom jagħmlu l-ħażen,

l-għaxqa tagħhom il-ħażen mill-agħar;

15nies li triqathom mgħawġa,

u l-mixi tagħhom barra mit-triq.

16Jeħilsek l-għerf minn mart ħaddieħor,

mill-mara barranija li tmelles bi kliemha,

17li twarrab sieħeb żgħożitha,

u tinsa l-patt li għamlet ma’ Alla tagħha;

18darha lejn il-mewt nieżla,

u l-mixi tagħha lejn Art l-Imwiet;

19ħadd ma jmur għandha u jerġa’ lura,

jew jerġa’ jaqbad triq il-ħajja.

20Int, mela, imxi fi triq it-tajbin,

u żomm ma’ mogħdijiet il-ġusti;

21għax it-tajbin jgħammru fl-art,

u n-nies sewwa joqogħdu fiha;

22imma l-ħżiena mill-art jitqaċċtu,

u l-qarrieqa jinqalgħu minnha.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help