IL-KTIEB TAL-GĦERF 11 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 11Fid-deżert tas-Sinaj

1L-għerf mexxiehom ’il quddiem f’għemilhom

permezz ta’ profeta qaddis.

2Huma mxew f’deżert bla nies,

waqqfu l-għerejjex f’xagħri bla triqat.

3Waqfu lill-għedewwa, żammew iebes lil min ħadha kontrihom.

4Meta kellhom l-għatx, lilek talbu.

U int tajthom l-ilma mill-blata wieqfa;

taffejtilhom l-għatx minn ħaġra samma.

5Dak li bih tgħakksu l-għedewwa tagħhom,

lilhom swielhom ta’ ġid fi ħtiġiethom.Il-kastig tal-Eġizzjani

6Flok dik in-nixxiegħa tax-xmara li ma taqtax,

imdardra b’demm imħassar,

7bi tpattija għall-ordni tal-qtil tat-trabi,

int tajthom kotra ta’ ilma li huma qatt ma basru.

8U hekk b’dak l-għatx tagħhom

urejthom kif kont għakkist l-għedewwa.

9Għax meta int ġarrabthom, għalkemm bil-ħniena widdibthom,

fehmu kemm batew il-ħżiena mgħakksa bil-qilla.

10Lil dawk ġarrabthom biex twissihom bħal missier;

lill-oħrajn ġibthom quddiemek u kkundannajthom bħal sultan qalil.

11F’arthom u barra minn arthom xorta kienu mgħakksin:

12għax għalja fuq oħra ġiet fuqhom,

u bkew għat-tifkira tal-imgħoddi.

13Meta semgħu li bis-saħħa tat-tbatija tagħhom,

kisbu l-ġid l-oħrajn, raw il-qawwa ta’ driegħ il-Mulej.

14Lil dak li qabel keċċewh ’il barra, irmewh u maqdruh,

meta għadda kollox, stagħġbu bih;

l-għatx li kellhom huma ma kienx bħal tat-tajbin.

15Għal ħsibijiethom, kollha ħażen u bla sens,

li qarrqu bihom u ġagħluhom iqimu sriep bla raġuni u dud bla siwi,

int bgħatt fuqhom bi tpattija qtajja’ ta’ ħlejjaq bla raġuni,

16biex jagħrfu li d-dnub tal-bniedem hu l-kastig tiegħu.

17Għax setgħet ukoll idek setgħana,

li sawret id-dinja minn ħaġa bla sura,

tibgħat fuqhom qatgħa orsijiet jew iljuni feroċi,

18jew taħlaq mill-ġdid bhejjem qliel ħadd ma jaf bihom,

jarmu n-nar minn imnifsejhom jew joħorġu duħħan ibaqbaq,

jew jitfgħu bħal beraq xrar tal-biża’ minn għajnejhom.

19Dawn mhux biss kienu jistgħu jeqirduhom għalkollox,

imma d-dehra tal-biża’ tagħhom biss kienet toqtolhom.

20U mqar mingħajr dawn, nefħa waħda biss setgħet tmiddhom,

minħabba l-ħaqq tiegħek li jiġri wrajhom,

u n-nifs setgħan tiegħek li jtajjarhom;

imma int ordnajt kollox bil-qjies, bl-għadd u bl-użin.

21Għax int dejjem għandek setgħa kbira,

u min jista’ jeħodha kontra s-setgħa ta’ driegħek?Il-ħniena ta’ Alla

22Quddiemek id-dinja kollha qisha traba fil-miżien,

jew qatra nida tal-għodwa li tinżel fuq l-art.

23Iżda int tħenn għal kulħadd, għax tista’ kollox;

int tagħlaq għajnejk għal dnubiet il-bnedmin biex huma jindmu.

24Għax int tħobb il-ħlejjaq kollha,

u xejn ma tistmell minn kulma għamilt;

li kien hemm xi ħaġa li stajt tobgħodha, int ma kontx tagħmilha.

25Kif setgħet tibqa’ xi ħaġa fid-dinja kieku int ma ridthiex?

Jew kif setgħet iżżomm, kieku int ma sejjaħtilhiex?

26Imma int, o Sid li tħobb kulma jgħix,

lil kulħadd tagħder, għax kollox huwa tiegħek.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help