1Fi żmien Aħaż bin Ġotam, bin Għużżija, sultan ta’ Ġuda, ġara li Resin, sultan ta’ Aram, u Pekaħ bin Remalija, sultan ta’ Iżrael, telgħu Ġerusalemm biex jaħbtu għaliha, imma ma felħux għaliha.
2U wasslu l-aħbar f’dar David u qalulu: “Aram waqqaf il-kamp f’Efrajm.” U qalbu u qalb il-poplu triegħdu bħalma jitriegħdu l-friegħi fil-masġar bir-riħ.
3U l-Mulej qal lil Isaija: “Mur iltaqa’ ma’ Aħaż, int u ibnek Sijarjasub, f’tarf is-sieqja tal-ġiebja l-fuqanija, fuq triq l-għalqa tal-Ħassiel.
4U għidlu, “Qis li sserraħ rasek, la tibżax, la taqtax qalbek quddiem dawk iż-żewġt ifdal ta’ ħatbiet idaħħnu, mill-qilla tar-rabja ta’ Resin, ta’ Aram u ta’ bin Remalija.
5Għax Aram, Efrajm u bin Remalija nasbu d-deni kontrik
6u qalu:
‘Ħa nitilgħu għal Ġuda, naħtfuha
f’idejna, u nġegħluha toqgħod għalina,
u nqiegħdu sultan
fuqha lil bin Tabal.’
7“Dan jgħid Sidi l-Mulej:
‘Dan ma jseħħx u ma jkun qatt.
8Għax ras Aram Damasku,
u ras Damasku Resin;
ħamsa u sittin sena oħra u
Efrajm isir bċejjeċ, ma jibqax poplu.
9U ras Efrajm Samarija,
u ras Samarija bin Remalija.
Jekk ma temmnux, ma tibqgħux sħaħ.’ ”Il-profezija fuq Għimmanu-el
10Il-Mulej issokta jkellem lil Aħaż u jgħidlu:
11“Itlob sinjal għalik
mingħand il-Mulej, Alla tiegħek,
f’qiegħ l-art jew fl-għoli tas-smewwiet.”
12U Aħaż wieġeb:
“Ma nitlobx:
ma rridx nittanta lill-Mulej.”
13U l-profeta wieġeb:
“Isimgħu, mela, dar David:
mhux biżżejjed għalikom li tkiddu lill-bnedmin,
biex issa se tkiddu lil Alla tiegħi?
14Għalhekk is-sinjal jagħtihulkom Sidi stess:
Araw, ix-xebba titqal u tiled iben,
u ssemmih Għimmanu-el.
15Baqta u għasel jiekol,
meta jasal biex jagħraf iwarrab il-ħażin
u jagħżel it-tajjeb.
16Għaliex qabel ma t-tifel jagħraf iwarrab
il-ħażin u jagħżel it-tajjeb,
titħarbat l-art,
li quddiem is-slaten tagħha inti mbażża’.
17U l-Mulej iġib fuqek, u fuq il-poplu tiegħek, u fuq dar missierek, jiem li qatt ma ġew mindu nfirdu Efrajm minn Ġuda: is-sultan tal-Assirja!”
18U jiġri f’dak il-jum:
isaffar il-Mulej lid-dubbiena,
li hemm f’ras ix-xmajjar tal-Eġittu,
u lin-naħla li hemm fl-art tal-Assirja.
19U jiġu u jistrieħu lkoll
fil-widien, fl-irdumijiet, fi xquq il-blat,
fuq l-għollieq imxewwek u fuq kemm hemm wesgħat.
20Dakinhar iqaxxar Sidi
b’mus mikri min-naħa l-oħra tax-xmara,
bis-sultan tal-Assirja,
il-qorriegħa tar-ras u x-xagħar tar-riġlejn,
u jġiżż il-leħja wkoll.
21U jiġri dakinhar,
li kull wieħed irabbi baqra u żewġ nagħġiet,
22u minħabba l-kotra tal-ħalib li jagħmlu
jiekol il-baqta,
għax baqta u għasel jiekol,
kull min jifdal f’nofs l-art.
23U jiġri wkoll dakinhar
li kull imkien li fih elf dielja
jiswew elf xekel tal-fidda,
hemm jitla’ x-xewk u l-ħurrieq.
24Bil-vleġeġ u l-qaws jgħaddu minnha
għax fl-art kollha jkun hemm xewk u ħurrieq.
25U l-muntanji kollha fejn kienu jagħżqu bl-imgħażqa,
ma tgħaddix minħabba l-biża’ tax-xewk u l-ħurrieq.
Imma hemm jitilqu l-gniedes,
u jirgħu n-nagħaġ.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.