1Wieġeb Elifaż it-Temani u qal:
2“Huwa l-għaref iwieġeb b’argumenti fiergħa,
u joqgħod jimraħ fuq ir-riħ Xlokk?
3Se jieħu raġun b’diskors bla fejda,
u bi kliem li ma jiswa għal xejn?
4Int qed tħassar il-biża’ ta’ Alla,
u ġġib fix-xejn ir-reliġjon.
5Billi dnubek inebbaħ lil fommok
u għoġbok tħaddem ilsien il-ħżunija,
6fommok stess jgħaddik b’ħati, mhux jiena,
huma xufftejk li jixhdu kontrik.
7Twelidt int qabel il-bnedmin?
Tnissilt inti qabel l-għoljiet?
8Jaqaw kont tisma’ fil-kunsill ta’ Alla,
u żammejt għalik waħdek l-għerf?
9X’taf int li ma nafuhx aħna?
X’tagħrif għandek li qabżilna?
10Għandna fostna xjuħ meqjuma
ikbar fiż-żmien minn missierek.
11Mhu xejn għalik il-faraġ ta’Alla,
u l-kliem tagħna li jieħdok bil-ħlewwa?
12Għaliex tħalli l-passjoni tegħlbek?
L-għala tberraq l-għajnejn tiegħek?
13Għala ddawwar fuq Alla l-qilla tiegħek,
u titlaq minn fommok kliem bħal dan?
14X’inhu l-bniedem biex ikun safi,
bin il-mara biex ikun bla ħtija?
15Jekk anqas fl-anġli tiegħu Alla ma jafda,
u s-smewwiet mhumiex safja quddiemu,
16kemm inqas dil-ħlejqa moqżieża u mħassra,
il-bniedem li jixrob bħall-ilma l-ħażen?
17Ismagħni, Ġob, ħalli nurik,
u l-ħwejjeġ li rajt jien żgur nistqarrlek,
18dak li jgħidu l-għorrief tagħna,
u ma ħbewlhomx missirijiethom;
19dawk li lilhom weħidhom kienet l-art mogħtija,
u ebda barrani ma tħallat magħhom.
20Il-ħażin ħajtu kollha jieħu ġo qalbu,
magħdudin is-snin merfugħa għal bin id-dnewwa.
21Jidwu f’widnejh ħsejjes ta’ biża’,
fis-sliem jistħajjel ġej għalih xi qerried.
22M’għandux tama li mid-dlam se jeħlisha,
hu li jqis ruħu mmarkat għas-sejf;
23mitfugħ bħala ikel għall-isqra,
jaf li maqtugħa l-qerda tiegħu.
24Ibeżżgħu jum id-dlam,
jaħkmuh in-niket u d-dwejjaq
bħal sultan lest għat-taqbida.
25Għax rafa’ idu kontra Alla,
ried jisfida lil Xaddaj.
26Ġera għalih kollu mżarġan,
bil-ħxuna tat-tarki bbuzzati tiegħu.
27Għax mela bis-simna wiċċu,
u taqqal ġenbejh bis-sonża.
28Imur jgħammar fi bliet meqruda
u fi djar mitluqa min-nies,
u għoddhom se jiġġarrfu.
29Ma jistagħniex, lanqas idum riżqu,
ma jifrixx ġidu ’l hemm mill-qabar.
30Mid-dlam żgur ma jeħlishiex;
inixxef in-nar iż-żraġen tiegħu,
u r-rimi tiegħu jtajru r-riħ.
31Qis li ħadd ma jafda fil-frugħa u jitqarraq,
għax frugħa jkun il-ħlas li jieħu.
32Jinxfu qabel iż-żmien iż-żraġen tiegħu,
il-friegħi tiegħu ma jħaddrux aktar.
33Iwaqqa’ bħad-dielja l-għeneb nej,
jobżoq bħaż-żebbuġa n-nwar tiegħu.
34Le, ma jkollhiex nisel ir-razza tal-ħżiena,
id-djar tal-qarrieqa jeqridhom in-nar.
35Inisslu l-inkwiet u jildu l-ħsara,
u ġufhom bit-tqala tal-qerq.”
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.