1Kliem ta’ Agur bin Ġaki, minn Massa.
Hekk jgħid il-bniedem: “Għejejt, O Alla,
għejejt, O Alla, u nħossni mifni.
2Tassew, iblah jien aktar minn kulħadd,
m’għandix fija l-għaqal tal-bniedem.
3L-għerf jien ma tgħallimtux,
u ’l Dak li hu Qaddis ma nagħrfux.
4Min qatt tala’ s-sema u raġa’ niżel?
Min ħakem ir-riħ fil-keffa ta’ idu?
Min ġabar l-ilma fi ħwejġu?
Min ħażżeż it-trufijiet kollha tal-art?
Taf x’jismu, u x’jismu ibnu?
5Kull kelma ta’ Alla għaddiet mill-prova;
hu tarka għal kull min jistkenn fih.
6Iżżid xejn ma’ kliemu,
għax hu jċanfrek u jgiddbek.
7Dawn it-tnejn jien nitlob mingħandek,
tiċħadhomlix qabel ma mmut:
8Biegħed minni l-qerq u l-gideb;
tagħtinix la faqar u lanqas għana,
iżda agħtini l-ikel li neħtieġ.
9Għax jekk ikolli bix-xaba’, nista’ niċħdek,
u ngħid: “Min hu l-Mulej?”
Jekk niftaqar, nasal biex nisraq
u nkasbar isem Alla.
10Tgħidx kontra l-qaddej ma’ sidu,
għax hu jisħtek, u tħallasha qares.
11Xi wħud jisħtu ’l missierhom,
u ’l ommhom ma jberkuhiex.
12Xi wħud jidhrilhom li huma safja,
imma ma tnaddfux minn ħmieġhom.
13Oħrajn, kemm għandhom għajnejhom merfugħa,
u x’ħarsa għandhom ta’ kburin!
14Xi wħud li għandhom snienhom sjuf
u drashom skieken;
jaħtfu l-fqir minn fuq l-art,
u l-imsejken minn fost il-bnedmin.
15Is-sangisuga għandha żewġt ibniet,
u dejjem jgħidu: “Tini, tini”.
Tlieta huma li qatt ma jixbgħu,
u r-raba’, li qatt ma tgħid: “Biżżejjed!”:
16Art l-Imwiet, il-ġuf bla wlied,
l-art niexfa bl-għatx,
u n-nar li qatt ma jgħid: “Biżżejjed!”
17Min jiddieħak b’missieru,
u jagħmel il-ħsieb li ma jismax minn ommu,
wara mewtu jaqlagħlu għajnejh iċ-ċawl,
u jikluh il-frieħ tas-seqer.
18Tliet ħwejjeġ huma tal-għaġeb għalija,
anzi erbgħa li ma nifhimhomx:
19it-triq tal-ajkla fl-ajru,
it-triq tas-serp fuq il-blat,
it-triq tal-ġifen f’nofs ta’ baħar,
it-triq ta’ raġel lejn xebba.
20Din hi l-ħajja tal-mara żienja:
tiekol u timsaħ ħalqha;
imbagħad tgħid: “Ma għamilt xejn ħażin.”
21Minħabba tlieta titriegħed l-art,
u r-raba’ ma tiflaħx għaliha:
22ilsir li jilħaq sultan,
iblah li jixba’ bil-ħobż,
23mara tiżżewweġ bla maħbuba,
u qaddejja li tilħaq flok sidtha.
24Erba’ ħwejjeġ huma l-iżgħar fl-art,
iżda huma wkoll l-aktar għorrief:
25in-nemel mhumiex qawwija,
iżda jħejju fis-sajf ikilhom;
26il-fniek selvaġġi huma bla saħħa,
iżda jagħmlu fil-blat il-bejta tagħhom;
27il-ġradijiet li m’għandhomx sultan,
iżda kollha jtiru mqassmin fi qtajja’;
28il-gremxula b’idek taqbadha,
iżda hi tidħol f’dar is-sultan.
29Tlieta għandhom mixja sabiħa,
u r-raba’ joħroġ b’bixra ta’ ġieħ:
30l-iljun, l-aqwa fost il-bhejjem,
li xejn ma jreġġgħu lura;
31is-serduq wieqaf, il-bodbod,
u s-sultan f’ras il-poplu tiegħu.
32Jekk tbellaht għax tkabbart,
jew jekk fassalt il-ħażen, qiegħed idek fuq fommok;
33għax jekk tagħsar il-ħalib, toħroġ il-baqta,
jekk tagħsar imnieħrek, joħroġ id-demm,
u jekk tagħsar l-għadab, joħroġ il-ġlied.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.