BIN SIRAK 51 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 51Innu ta’ radd il-ħajr

1Irroddlok ħajr, Mulej, sultan tiegħi,

u nfaħħrek, Alla Salvatur tiegħi,

irrodd ħajr lil ismek,

2għaliex int sirt kenn u għajnuna għalija,

u fdejtli ’l ġismi mit-telfien,

u min-nassa ta’ lsien giddieb

u minn xufftejn qarrieqa.

Quddiem dawk li daru għalija

kont ta’ għajnuna għalija u fdejtni,

3skont il-kobor tal-ħniena u l-isem tiegħek,

minn snien dawk li kienu lesti li jqattgħuni,

minn idejn dawk li kienu jfittxu li joqtluni,

mill-ħafna għawġ li ġarrabt,

4min-nar madwari li kien jifgani,

u minn qalb ħuġġieġa li ma qabbadthiex jien,

5mill-fond tal-ġewwieni ta’ Art l-Imwiet,

u minn ilsien iniggeż u kliem qarrieq -

6il-qlajja’ ta’ lsien ħażin quddiem is-sultan.

Ruħi kienet qorbot lejn il-mewt,

u ħajti kienet għoddha f’xifer il-qabar.

7Dawruni minn kull naħa,

u ma kienx hemm min jgħinni;

ħarist biex xi ħadd jagħtini l-għajnuna,

imma ma kienx hemm min.

8Imma ftakart fil-ħniena tiegħek, Mulej,

fl-għemejjel tiegħek fiż-żmien ta’ dari,

għax int teħles lil dawk li stennewk

u ssalvahom minn idejn l-għedewwa.

9Imbagħad għollejt mill-art it-talba tiegħi,

u tlabtek teħlisni mill-mewt.

10U sejjaħt lill-Mulej: “Mulej, int missieri,

titlaqnix f’jiem l-għawġ,

meta jiena bla għajnuna kontra l-kburin.

Infaħħar ismek il-ħin kollu,

u ngħannilek b’radd il-ħajr.”

11U int smajt it-talba tiegħi,

għax salvajtni mit-telfien,

u ħlistni minn żmien ikrah.

12Għalhekk irroddlok ħajr u nfaħħrek,

u nbierek l-isem tal-Mulej.

Poeżija fuq it-tiftix għall-għerf

13Meta kont għadni żagħżugħ, qabel ma bdejt nivvjaġġa,

fittixt l-għerf bid-dieher fit-talb tiegħi.

14Quddiem it-tempju kont nitlob għalih,

u nibqa’ nfittxu sal-aħħar.

15Xħin tiżhar id-dielja

sa ma ssajjar l-għeneb,

qalbi kienet tithenna bl-għerf.

Meddejt riġli f’mogħdija dritta,

minn żgħożiti kont insus warajh.

16Tajtu ftit widen u ngħatali,

imma sibt għalija ħafna tagħlim.

17Bih imxejt ’il quddiem;

lil Min tani l-għerf glorja nagħtih.

18Għax għandi f’moħħi li nġib ruħi bl-għerf,

u sirt ħerqan għat-tajjeb u ma jkollix għax nistħi.

19Tħabatt ħafna biex nikseb l-għerf,

u ħarist il-Liġi bir-reqqa.

Erfajt idejja ’l fuq u bkejt

għax ma kontx nagħrfu.

20Mexxejt lili nnifsi lejn l-għerf

imma sibtu fis-safa.

Miegħu kont mill-ewwel għal qalbi,

u għalhekk ma nibqax waħdi.

21Kont imħeġġeġ ġo fija biex infittxu,

u għalhekk ksibt ħaġa tajba.

22Il-Mulej tani lsieni bi ħlas tiegħi,

u bih jien infaħħru.

23Ersqu lejja intom li m’għandkomx tagħlim,

u ħudu postkom fl-iskola tiegħi.

24Għaliex tgħidu li intom lura f’dawn il-ħwejjeġ,

u li rwieħkom huma bl-għatx għall-aħħar?

25Ftaħt fommi u tkellimt,

“Iksbu għalikom l-għerf bla ma tħallsu l-flus.

26Middu għonqkom għall-madmad tiegħu,

u qisu li ruħkom tilqa’ t-tagħlim.

Hu qrib biex issibuh.

27Araw b’għajnejkom kemm tħabatt ftit,

imma sibt għalija ħafna mistrieħ.

28Ixtru t-tagħlim b’somma kbira tal-fidda,

u tiksbu bih ħafna deheb.

29Jalla rwieħkom jifirħu fil-ħniena tal-Mulej

u ma tistħux fit-tifħir tiegħu.

30Aqdu dmirkom qabel jasal iż-żmien,

u l-Mulej iħallaskom fi żmienu.”

L-Għerf ta’ bin Sirak.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help