ISAIJA 40 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 40It-Tieni Parti: Kap 40 sa 55(Fi tmiem l-Eżilju, 539-538 QK)Ktieb il-Faraġ

1“Farrġu, farrġu l-poplu tiegħi,”

jgħid Alla tagħkom.

2Kellmu lil qalb Ġerusalemm u għidulha

li ntemm il-jasar tagħha,

tħallset ħżunitha,

ħadet mingħand il-Mulej

darbtejn għal dnubietha kollha.

3Leħen jgħajjat:

“Ħejju t-triq għall-Mulej fid-deżert,

wittu għal Alla tagħna mogħdija fix-xagħri.

4Jintradam kull wied,

u jitniżżlu l-muntanji u l-għoljiet;

kull art imħabbta titwitta

kull art imħarbta ssir maqgħad.

5U tfiġġ il-glorja tal-Mulej,

u l-bnedmin jarawha lkoll f’daqqa,

għax fomm il-Mulej tkellem.”

6U leħen qal: “Għajjat.” U jien weġibt: ‘X’ngħajjat?”

Għid: “Kull bniedem ħaxix,

u sbuħitu bħal ward ir-raba’;

7jinxef il-ħaxix,

jidbiel il-ward,

meta minn fuqhom jgħaddi nifs il-Mulej.

- Bħal ħaxix il-poplu -

8Il-ħaxix jinxef,

u l-ward jidbiel,

iżda l-kelma tal-Mulej tibqa’ għal dejjem.”

9Itla’ fuq il-muntanja għolja,

int li ġġib il-bxara t-tajba lil Sijon;

għolli leħnek bil-qawwa kollha,

int li tagħti l-aħbar it-tajba lil Ġerusalemm;

għajjat, la tibżax.

Għid lill-ibliet ta’ Ġuda:

“Hawn hu Alla tagħkom!”

10Hawn hu Sidi l-Mulej,

li ġej bil-qawwa,

u jaħkem bil-qawwa ta’ driegħu.

Hawn hu bi ħlasu miegħu,

u r-rebħa tiegħu quddiemu.

11Bħal ragħaj li jirgħa l-merħla tiegħu;

bi driegħu jiġmagħha,

u l-ħrief fi ħdanu jerfagħhom;

u n-nagħaġ ireddgħu bil-mod imexxihom.

Il-kobor ta’ Alla ta’ Iżrael

13Min mexxa l-ispirtu tal-Mulej,

x’kunsillier kellu biex jgħallmu?

14Lil min talab parir biex jiftaħlu għajnejh;

jew min għallmu jġib ruħu bil-ġustizzja,

biex jagħtih id-dawl u l-għerf,

u jqabbdu t-triq tal-għaqal?

15Ara, il-ġnus bħal qatra waħda minn barmil ilma,

bħal għabra trab f’miżien, hekk qishom!

Ara, ix-xtut ma jiżnux aktar minn traba.

16Is-siġar tal-Libanu mhumiex biżżejjed

biex bihom tqabbad in-nar;

anqas il-bhejjem tiegħu mhuma biżżejjed

biex toffri lil Alla sagrifiċċju tal-ħruq.

17Il-ġnus kollha qishom xejn quddiemu:

huma għalih ħwejjeġ fiergħa u battala.

18Ma’ min se jxebbhu lil Alla,

u liema xbieha se tqabblu miegħu?

19L-idolu jdewbu bin is-sengħa,

u jindurah ħaddiem id-deheb,

u jsensillu ħjut tal-fidda.

20Xi ħadd fqajjar li ma għandux x’joffri,

jagħżel xi għuda li ma ssewwisx,

ifittex xi ħaddiem jinqala’,

biex jagħmillu xbieha ma titħarrikx.

21Ma tafux? Ma smajtux jaqaw?

Ma tħabbrilkomx sa mill-bidu?

Ma fhimtux? Min waqqaf l-art?

22Hu jgħammar ’il fuq minn ħnejjet l-art,

u min jgħammar fiha qishom ġradijiet.

Hu jħoll is-smewwiet bħal xoqqa,

u jifrixhom bħal għarix biex tgħammar fih.

23Hu jġib fix-xejn is-setgħanin,

u l-mexxejja tad-dinja jagħmilhom xejn.

24Bilkemm jitħawlu,

bilkemm jinżergħu,

bilkemm jinbtu u jxenxlu l-għeruq,

li ma jonfoħx fuqhom u jinxfu,

li r-riefnu ma jġorrhomx bħall-karfa.

25“Ma’ min ixxebbhuni jew tqabbluni?”

jistaqsi l-Qaddis.

26Erfgħu għajnejkom ’il fuq u araw:

min ħalaqhom dawn il-ħlejjaq kollha?

Imexxi u jgħodd l-eżerċti tiegħu,

u jsejħilhom b’isimhom wieħed wieħed.

Bis-saħħa ta’ qawwietu,

bil-qawwa ta’ setegħtu,

ħadd minnhom ma jonqos.

27Għaliex titkellem Ġakobb,

u int, Iżrael, tgħid:

“Triqti moħbija mill-Mulej,

u mwarrab il-jedd tiegħi minn Alla?”

28Jaqaw ma tafx, lanqas ma smajt:

“Il-Mulej hu Alla ta’ dejjem,

il-ħallieq ta’ truf l-art?”

Ma jegħja qatt, u ma jinkeddx,

l-għerf tiegħu ma ssibx tarfu.

29Hu li jagħti l-qawwa lill-għajjien,

u jkattar il-qawwa lil min hu bla saħħa.

30Jintelqu ż-żgħażagħ u jegħjew,

fl-aħjar tagħhom jogħtru l-irġiel.

31Imma dawk li jittamaw fil-Mulej jieħdu saħħithom,

itellgħu l-ġwienaħ bħall-ajkli,

jiġru bla ma jegħjew,

jimxu bla ma jintelqu.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help