1Għall-mexxej tal-kor. Fuq “L-Imgħasar”. Ta’ Asaf.
2Għannu bil-ferħ lil Alla, qawwa tagħna,
għajtu bil-ferħ lil Alla ta’ Ġakobb!
3Għollu leħen l-għana, doqqu t-tnabar,
doqqu ċ-ċetra ħelwa mal-arpa.
4Doqqu t-tromba mal-qamar ġdid,
mal-qamar mimli f’jum il-festa tagħna.
5Għax dan hu kmandament għal Iżrael,
din liġi ta’ Alla ta’ Ġakobb.
6Dan l-ordni hu tah lil Ġużeppi,
huwa u ħiereġ minn art l-Eġittu.
Kliem li ma nafux qiegħed nisma’:
7“Neħħejtlek it-tagħbija minn fuq dahrek,
ħlistlek idek mill-irfigħ tal-qoffa.
8Fid-dwejjaq sejjaħtli, u jiena ħlistek;
b’leħen moħbi, bħal f’ragħda, weġibtek;
ħdejn l-ilma ta’ Meriba ġarrabtek.
9Ismagħni, poplu tiegħi, ħa llumek:
Iżrael, mhux li kont tismagħni!
10Ma jkollokx alla ieħor f’nofskom,
tinxteħitx quddiem alla barrani.
11Jiena l-Mulej, Alla tiegħek,
li tellajtek mill-art tal-Eġittu.
Iftaħ ħalqek u jien nimlihulek.
12Iżda l-poplu tiegħi ma semax minni,
Iżrael ma riedx jaf bija.
13Għalhekk tlaqthom għall-ebusija ta’ qalbhom,
biex imxew skont il-fehmiet tagħhom.
14Jekk il-poplu tiegħi jisma’ minni,
jekk Iżrael jimxi fi triqati,
15minnufih inniżżel l-għedewwa tagħhom,
idi ndawwar fuq dawk li huma kontrihom.
16Dawk li jobogħduhom jersqu jitkaxkru quddiemhom;
din tkun xortihom għal dejjem.
17U lilhom nitmagħhom b’qamħ mill-aħjar,
inxebbagħhom bl-għasel mill-blat.”
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.