1Il-Mulej isaltan! Ħa taqbeż l-art bil-ferħ,
u jifirħu l-ħafna gżejjer!
2Sħab u dlam hemm madwaru;
is-sewwa u l-ħaqq is-sisien tat-tron tiegħu.
3In-nar jimxi quddiemu,
u jeqred madwaru l-għedewwa tiegħu.
4Il-beraq tiegħu jdawwal id-dinja;
tara dan l-art u titriegħed.
5Bħax-xama’ jdubu l-muntanji quddiem il-Mulej,
quddiem is-Sid tal-art kollha.
6Ixandru s-smewwiet il-ġustizzja tiegħu;
jaraw il-popli kollha s-sebħ tiegħu.
7Jinfixlu dawk kollha li jqimu l-idoli,
li jiftaħru bix-xbihat fiergħa tagħhom;
u quddiemu jinxteħtu l-allat kollha.
8Tisma’ dan u tifraħ Sijon,
jaqbżu bil-ferħ l-ibliet ta’ Ġuda,
minħabba l-ġustizzja tiegħek, Mulej.
9Għax int, Mulej, inti l-Għoli,
’il fuq mill-art kollha, ogħla ħafna mill-allat.
10Iħobb il-Mulej lil min jobgħod il-ħażen,
iħares il-ħajja ta’ ħbiebu,
jeħlishom minn idejn il-ħżiena.
11Ifeġġ id-dawl fuq il-ġust,
u l-hena għal qalb in-nies sewwa.
12Ifirħu, ġusti, fil-Mulej,
u faħħru l-isem qaddis tiegħu.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.