1Dan jgħid il-Mulej:
“Arani, se nqajjem
kontra Babilonja u kontra n-nies tal-Kaldija,
riħ qerried.
2Nibgħat f’Babilonja nies derrejja;
iderruha u jneżżgħulha artha,
għax jinżlu għaliha minn kull naħa
f’jum il-ħsara.
3Ma jiġbidx l-arċier il-qaws,
ma jiżżarġanx bil-kurazza tiegħu!
Taħfruhiex liż-żgħażagħ tagħha,
eqirdulha l-eżerċtu kollu tagħha.
4Ħa jaqgħu mejta n-nies f’art il-Kaldin,
u miġruħin fit-toroq tagħha.
5Imma Iżrael mhijiex xi armla, anqas Ġuda,
mhija mitluqa minn Alla tagħhom,
il-Mulej tal-eżerċti,
minkejja li arthom mimlija dnubiet
kontra l-Qaddis ta’ Iżrael.
6Aħarbu minn nofs Babilonja,
u jaħseb kulħadd għal ħajtu.
La tinqerdux minħabba ħżunitha;
għax hu żmien il-vendetta għall-Mulej,
se jroddilha kulma ħaqqha,
7Kalċi tad-deheb kienet Babilonja f’id il-Mulej,
u bih sakkar l-art kollha.
Il-ġnus xorbu minn inbidha,
u għalhekk bliehu l-ġnus.
8Għal għarrieda waqgħet
Babilonja, tfarrket.
Ibkuha!
Ġibu l-balzmu għall-uġigħ tagħha,
għandha mnejn tfiq.
9Konna nfejquha ’l Babilonja,
imma hija ma fiqitx.
Ħalluha, immorru kulħadd lejn artu,
għax il-ħaqq tagħha laħaq sas-sema,
u għola sa ġos-sħab.
10Għax il-Mulej ħareġ is-sewwa tagħna għad-dawl.
Ejjew u nxandru f’Sijon,
għemil il-Mulej Alla tagħna.”Il-Medi jitħallsu
11“Sinnu l-vleġeġ!
Imlew il-barżakki!
Għax il-Mulej qajjem ruħ is-slaten tal-Medja,
għamel il-ħsieb li ’l Babilonja jfarrakha;
għax din hi l-vendetta tal-Mulej,
il-vendetta għat-tempju tiegħu.
12Biswit il-ħitan ta’ Babilonja
għollu l-istendard,
saħħu l-għases,
qiegħdu l-għassiesa,
onsbu n-nases.
Għax dak li l-Mulej ħaseb, dak għamel,
dak li kien qal għan-nies ta’ Babilonja.
13Int li toqgħod ħdejn il-gliegel tal-ilma,
li għandek teżori kbar,
wasal tmiemek,
waslet għall-qtugħ il-medda tiegħek.
14Il-Mulej tal-eżerċti ħalef bih innifsu:
‘Nimliek bin-nies kotrana bħal ġradijiet,
u jgħollu kontrik l-għajta tar-rebħa.’
15Għamel l-art bil-ħila tiegħu;
issoda d-dinja bl-għerf tiegħu,
u bid-dehen tiegħu firex is-smewwiet.
16Mal-ħoss ta’ leħnu,
jitqanqlu l-ilmijiet tas-sema,
u jtella’ s-sħab minn truf l-art;
jagħmel il-beraq għax-xita,
u mill-imħażen tiegħu joħroġ l-irjieħ.
17Iblah il-bniedem u bla għerf;
l-arġentier jistħi għall-idolu tiegħu.
Għax gidba x-xbieha mdewba,
ma fiha ebda ruħ.
18Frugħat huma u xogħol taċ-ċajt;
f’jum kastighom jintemmu lkoll.
19Mhux bħalhom sehem Ġakobb,
għax hu għamel kulma hu.
Iżrael hu t-tribù tal-wirt tiegħu,
Jaħweh tal-eżerċti jismu.
20Il-martell kont int għalija,
l-għodda tal-gwerra.
Bik kissirt il-ġnus;
bik ħarbatt is-saltniet;
21bik kissirt iż-żiemel u r-rikkieb;
bik kissirt il-mirkeb u s-sewwieq,
22bik kissirt ir-raġel u l-mara;
bik kissirt ix-xiħ u t-tifel;
bik kissirt iż-żagħżugħ u x-xebba;
23bik kissirt ir-ragħaj u l-merħla;
bik kissirt il-bidwi u l-gniedes;
bik kissirt gvernaturi u kmandanti.
24Lil Babilonja taħt għajnejkom inħallasha,
lilha u n-nies kollha tal-Kaldija,
għad-deni kollu li għamlu lil Sijon,
oraklu tal-Mulej.
25Arani kontrik, muntanja qerrieda,
oraklu tal-Mulej,
li qridt l-art kollha.
Jien immidd idejja għal fuqek,
u ngerbek minn fuq il-blat,
u nagħmel minnek muntanja nar.
26U minnek ma jiħdux la l-ġebla tax-xewka,
u anqas ħaġar għas-sisien.
Għax issir ħerba għal dejjem,
oraklu tal-Mulej.
27Għollu stendard fuq l-art,
doqqu l-kornu fost il-ġnus.
Lestu l-ġnus għaliha,
sejħu s-saltniet kontriha:
Ararat, Minni u Askenaż.
Ibagħtu kontriha l-kittieba tal-eżerċti,
tellgħu ż-żwiemel bħal ġradijiet bix-xwiek.
28Ħejju l-ġnus għaliha,
is-slaten tal-Medja,
bil-gvernaturi u l-maġistrati tagħhom
bl-art kollha taħt ħakmithom.
29Titkexkex l-art u titriegħed,
għax iseħħ ħsieb il-Mulej għal Babilonja,
li jagħmel ħerba minn art Babilonja,
u ħadd iżjed ma jgħammar fiha.
30Waqfu mill-ġlied il-qalbenin ta’ Babilonja,
u baqgħu fil-fortizzi;
naqsithom il-qlubija u saru qishom nisa.
Id-djar tagħha tawhom in-nar,
tkissru l-iżbarri tagħha.
31Kurrier jiġri wara kurrier,
messaġġier biex jilħaq messaġġier ieħor,
biex jgħarraf lis-sultan ta’ Babilonja,
li beltu ttieħdet minn kullimkien.
32Il-mogħdijiet inqabdu,
u l-fortizzi tawhom in-nar,
u l-gwerriera tilfu rashom.
33Għax dan jgħid il-Mulej tal-eżerċti,
Alla ta’ Iżrael:
‘Bint Babilonja qisha l-qiegħa
fi żmien id-dris tagħha.
Ftit ieħor u jaslilha jum il-ħsad.’
Babilonja ħerba35‘Ħa tilħaq ’il Babilonja
l-moħqrija li laħqet lili u ’l qrabati,’
jgħidu n-nies li jgħammru f’Sijon.
‘Ħa jaqa’ demmi fuq in-nies,
li jgħammru fil-Kaldija,’
tgħid Ġerusalemm.
36Għalhekk dan jgħid il-Mulej:
“Arani, se niddefendi l-kawża tiegħek,
u nitħallas għalik.
Innixxef il-baħar tagħha,
u nqaxqxilha l-għejun tagħha.
37Babilonja ssir borġ ħerba,
bejta għax-xakalli,
waħx u tmaqdir,
għax ħadd ma jkollha jgħammar fiha,
38Ilkoll flimkien jgħajtu bħal iljuni,
bħal frieħ ta’ ljuni jgargru.
39Meta jkunu fis-sħana nħejjilhom festa,
insakkarhom sakemm jistordu,
u jorqdu raqda għal dejjem,
bla ma qatt iżjed jistenbħu,
oraklu tal-Mulej.
40Inniżżilhom bħall-ħrief għall-qatla
bħall-bdabad u l-imtaten.
41Kif inħatfet Sesak,
u ntrebħet il-foħrija tad-dinja!
Kif saret Babilonja waħx fost il-popli!
42Babilonja tela’ l-baħar għaliha!
u għerqet taħt il-qawwa tal-ħalel tiegħu.
43Blietha saru ħerba,
art niexfa u xagħra,
u ħadd ma jgħammar fihom,
u ebda bniedem ma jgħaddi minnhom.
44Jien nikkastiga ’l Bel f’Babilonja,
noħroġlu minn ħalqu kulma bela’;
il-ġnus ma jiġrux aktar lejh.
Sas-swar ukoll ta’ Babilonja ġġarrfu.Il-poplu jaħrab
45Oħorġu minn nofsha, poplu tiegħi!
Ħa jsalva kull wieħed ħajtu
minn qillet il-korla tal-Mulej.
46Taqtgħux qalbkom u la tibżgħux
bl-aħbar li xterdet fil-pajjiż.
Is-sena tasal aħbar,
u oħra s-sena ta’ wara.
Moħqrija jkun hawn fl-art,
u tirann kontra tirann.
47Għalhekk għad jiġi żmien,
meta jien niġi nżur l-idoli ta’ Babilonja;
u l-pajjiż kollu tagħha għad jistħi,
u l-midrubin kollha jaqgħu mejta f’nofsha.
48U għad jgħajtu bil-ferħ għal Babilonja
s-sema u l-art u kulma fihom,
għax mit-Tramuntana għad jiġu għaliha l-qerrieda,
oraklu tal-Mulej.
49Babilonja wkoll għad taqa’,
minħabba l-midrubin ta’ Iżrael;
bħalma waqgħu għal Babilonja
l-midrubin tad-dinja kollha.
50Intom li ħlistuha mix-xabla,
itilqu, la tiqfux.
Ftakru fil-Mulej mill-bogħod,
u ħallu ’l Ġerusalemm tfeġġ f’qalbkom.
51Tħawwadna bl-għajb li smajna,
wiċċna nkesa bil-mistħija,
għax daħlu l-barranin
fis-santwarju ta’ dar il-Mulej.
52Għalhekk, araw, għad jiġu jiem,
oraklu tal-Mulej,
u jien nagħmel ħaqq mill-idoli tagħha,
u f’artha kollha jokorbu l-midrubin.
53Imqar jekk Babilonja togħla sas-smewwiet,
u ssaħħaħ l-għoli ta’ qawwietha
mingħandi jaslulha l-qerrieda,
oraklu tal-Mulej.Il-qerda
54Isimgħu! Twerżiq u għajjat minn Babilonja,
tkissir kbir minn art il-Kaldin!
55Għax il-Mulej qiegħed iħarbat lil Babilonja,
u jsikket l-għajjat kbir tagħha.
Igargru l-ħalel tagħhom bħal ilmijiet kotrana
u jidwu l-ħsejjes tagħhom ma’ kullimkien.
56Għax wasal fuq Babilonja l-qerried;
qabduhom il-qalbiena tagħha,
u tkissru l-qwies tagħhom.
Għax Alla li jħallsu hu l-Mulej,
u jħallas fuq li jħallas.
57Insakkar il-prinċpijiet u l-għorrief tagħha,
il-gvernaturi, il-kmandanti u l-gwerriera tagħha;
jorqdu raqda għal dejjem
u ma jistenbħu qatt minnha aktar,
oraklu tas-Sultan,
Jaħweh tal-eżerċti ismu.
58Dan jgħid il-Mulej tal-eżerċti:
“Is-sur wiesa’ ta’ Babilonja jiġġarraf sal-qiegħ,
u bibienha l-għolja n-nar jaħraqhom.
Għax-xejn jitħabtu l-ġnus,
u l-popli jinfnew għan-nar.Il-messaġġ ta’ Ġeremija
59Dan hu l-messaġġ li ta Ġeremija, il-profeta, lil Xeraja bin Nerija, bin Maħseja, meta dan mar Babilonja ma’ Sedekija, sultan ta’ Ġuda, fir-raba’ sena tas-saltna tiegħu. Xeraja kien l-uffiċjal li kien ħa ħsieb l-alloġġi.
60Ġeremija kiteb fi ktieb wieħed il-ħsara kollha li kellha taqa’ fuq Babilonja: dan il-kliem kollu miktub kontra Babilonja.
61U Ġeremija qal lil Xeraja: “Meta tasal Babilonja qis li taqra dan il-kliem kollu
62u għid: ‘Mulej, int għedt li trid teqred dan il-pajjiż u ma jkun hemm ħadd li jgħammar fih, u la nies u lanqas bhejjem, imma jkun ħerba għal dejjem.’
63Meta tispiċċa taqra dan il-ktieb orbotlu ġebla miegħu u waddbu f’nofs l-EwfratApk 18,21.
64u għid: ‘Hekk għad tegħreq Babilonja u ma tqum qatt iżjed minħabba l-ħsara li jien inkun ġibt fuqha.’ ”
Sa hawn kliem Ġeremija.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.