1Doqqu t-tromba f’Sijon,
semmgħu l-aħbar minn fuq il-muntanja mqaddsa tiegħi!
Ħa jitriegħdu dawk kollha li jgħammru fil-pajjiż,
għax Jum il-Mulej wasal, għax hu fil-qrib!
2Jum ta’ dlam u ta’ swied,
jum ta’ sħab u ta’ ċpar magħqud.
Fuq il-muntanji jinfirex bħal sħaba sewda
poplu kotran u qawwi,
li bħalu ma kien hemm qatt fl-imgħoddi,
lanqas ma jkun hemm warajh
saż-żminijiet l-aktar imbiegħda.L-armata tal-invażjoni
3Quddiemu jiekol in-nar,
warajh iserrpu l-ilsna tan-nar,
quddiemu l-pajjiż qisu l-ġnien tal-Għeden,
warajh ikun deżert bla ħajja.
Xejn ma jkun hemm li jaħrablu.
4Id-dehra tiegħu bħal dehra ta’ żwiemel;
u bħal żwiemel tal-ġiri, hekk ilebbtu.
5Bħal ħsejjes ta’ karrijiet
jaqbżu fuq qċaċet il-muntanji,
bħat-tfaqqigħ ta’ lsien in-nar
iqabbad il-qasbija,
bħal armata qawwija mqassma għall-battalja.
6Għad-dehra tagħha l-popli jitkexkxu,
l-uċuħ kollha jisfaru.
7Huma jinxteħtu bħal nies qalbiena,
jixxabbtu mas-swar bħal suldati.
Kull wieħed minnhom iżomm triqtu,
ħadd minnhom ma jitlifha.
8Ebda wieħed minnhom ma jross fuq ta’ ħdejh,
kull wieħed iżomm il-passi tiegħu;
u jinxteħtu qalb l-armi
bla ma jwarrbu minn posthom.
9Jintefgħu għal fuq is-swar,
jixxabbtu mal-ħitan tad-djar,
jidħlu mit-twieqi,
qishom ħallelin.
Dehra ta’ Jum il-Mulej10Quddiemhom l-art titriegħed,
is-smewwiet jitqanqlu!
Ix-xemx u l-qamar jiddallmu,
u l-kwiekeb jitilfu dijiethom!
11U l-Mulej isamma’ leħnu f’ras it-truppi tiegħu.
Għax bla għadd qtajjietu,
għax hu qawwi dak li jagħmel l-ordni tiegħu,
għax Jum il-Mulej hu kbir,
tal-biża’ wisq, u min jiflaħ għalih?Sejħa għall-indiema
12“Iżda mqar issa, oraklu tal-Mulej,
erġgħu duru lejja b'qalbkom kollha,
bis-sawm, bil-biki u bl-ilfiq;
13ċarrtu qalbkom, u mhux ilbieskom,
u erġgħu duru lejn il-Mulej, Alla tagħkom,
għax hu twajjeb u ħanin,
tqil biex jinkorla, u kollu tjieba;
u jisgħobbih għall-ħażen.
14Min jaf jerġax jibdielu u jisgħobbih,
u jħalli barka wrajh,
offerta tal-ikel u tax-xorb
lill-Mulej, Alla tagħkom?
15Doqqu t-tromba f’Sijon!
Ordnaw sawma,
sejħu laqgħa mqaddsa;
16iġbru l-poplu,
qaddsu l-ġemgħa
għajtu x-xjuħ,
iġbru t-tfal,
u t-trabi tal-ħalib!
Ħa joħroġ l-għarus minn ġo kamartu
u l-għarusa mill-kmajra tagħha!
17Bejn il-portiku u bejn l-artal ħa jibku
l-qassisin, qaddejja tal-Mulej!
U ħa jgħidu:
“Ħenn għall-poplu tiegħek, Mulej,
u la tħallix il-wirt tiegħek jaqa’ għaż-żebliħ,
u jiġi fi lsien il-ġnus!
L-għala għandu jingħad fost il-popli:
“Fejn hu Alla tagħhom?”Tmiem il-kastig u l-bidu tal-ħelsien
18U l-Mulej ġietu għira għall-art tiegħu,
għader il-poplu tiegħu.
19Il-Mulej wieġeb u qal lill-poplu tiegħu:
“Ara, jiena se nibagħtilkom
il-qamħ u l-inbid ġdid u ż-żejt,
u jkollkom minnhom bix-xaba’.
U ma nħallikomx iżjed
taqgħu għaż-żebliħ tal-ġnus.
20Inbiegħed minnkom lil tat-Tramuntana
u nixħtu f’post niexef u d-deżert,
il-quddiemi tiegħu lejn il-baħar tal-Lvant,
u l-warrani lejn il-baħar tal-Punent.
U titla’ minnu ntiena,
riħa tinten titla’ minnu
għax għamel ħsara kbira.”Jidher ġid bil-kotra
21Tibżax, art,
ifraħ u thenna,
għax ħwejjeġ kbar għamel il-Mulej!
22La tibżgħux, bhejjem tar-raba’!
Għax il-ħdura tal-kampanja reġgħet nibtet,
is-siġar qed jitqalu bil-frott tagħhom,
it-tina u d-dielja qed iroddu l-ġid tagħhom.
23Ulied Sijon, ifirħu,
thennew fil-Mulej, Alla tagħkom!
Għaliex hu takom ilma bikri kif imiss,
bagħtilkom ix-xita bikrija,
u x-xita mwaħħra, bħal fl-imgħoddi.
24L-andrijiet jimtlew bil-qmuħ,
l-imgħasar ifuru bi nbid ġdid u żejt.
25U nerġa’ nagħtikom l-annati
li ttieklu mill-ġrad qattiegħ u l-ġrad gerriem,
u mill-ġrad qerried u l-ġrad qabbież,
l-armata kbira tiegħi,
li jien bgħatt kontrikom.”
26U tieklu sewwa u tixbgħu,
u tfaħħru isem il-Mulej, Alla tagħkom,
li jkun għamel għeġubijiet.
Il-poplu tiegħi ma jkollu qatt iżjed mniex jistħi!
27U tagħrfu li jien ninsab f’nofs Iżrael,
u li jiena l-Mulej, Alla tagħkom, u m’hemmx ħliefi!
U l-poplu tiegħi ma jkollu qatt iżjed mniex jistħi!
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.