1Kif Sanballat, Tobija, l-Għarab, l-Għammonin u l-Asdodin semgħu li t-tiswijiet tas-swar kienu mexjin ’il quddiem, u li l-ħitan imkissra kienu bdew jagħqdu, saħnu sewwa.
2Ftiehmu għalhekk bejniethom li jitilgħu jaħbtu għal Ġerusalemm biex iħawduna.
3Imma aħna tlabna ’l Alla tagħna, u konna għassa tagħhom lejl u nhar.
4Madankollu, in-nies f’Ġuda bdiet tgħid:
“Is-saħħa tar-reffiegħa ddgħajfet,
it-trab kotran bla qjies;
U aħna ma għandniex ħila
biex nibnu s-swar.”
5L-għedewwa tagħna qalu: “Ma jkunux jafu, u ma jintebħu b’xejn sakemm immorru f’nofshom, noqtluhom u nwaqqfuhom minn dak li qegħdin jagħmlu”.
6Ġew imbagħad għandna xi Lhud li kienu joqogħdu ħdejhom, u minn kull fejn ġew qalulna x’kien qiegħed jiġri. Meta kienu kellmuna xi għaxar darbiet
7aħna qgħadna fin-naħiet t’isfel wara l-ħajt fejn dan kien miftuħ, u jien qassamt il-poplu skont il-familji bix-xwabel, il-lanez u l-qwas tagħhom.
8U mort nara. U mbagħad qomt, u lill-kbarat, lill-uffiċjali u lill-bqija tan-nies għedtilhom: “Tibżgħux minnhom! Ftakru li l-Mulej hu kbir u tal-biża’. Iġġieldu għal ħutkom, għal uliedkom, subien u bniet, għan-nisa tagħkom, u għal djarkom.”
9Meta mbagħad l-għedewwa tagħna semgħu li aħna konna sirna nafu b’kollox, u li Alla kien ġieb fix-xejn il-pjan tagħhom, ilkoll kemm aħna rġajna lura lejn is-swar, kulħadd għal xogħlu.
10Imma minn dakinhar nofs il-qaddejja tiegħi kienu jaħdmu, u n-nofs l-ieħor kienu jkunu mal-kapijiet wara kull dar ta’ Ġuda armati bil-lanez, bit-tarki, bil-qwas, u bil-kurazzi.S 149,6.
11Dawk li kienu qed jibnu s-swar u dawk li kienu jġorru t-tagħbijiet, kienu jkunu armati; b’id waħda kienu jkunu fuq ix-xogħol, u bl-oħra fuq ix-xabla.
12Il-bennejja kienu jibnu, kull wieħed minnhom imħażżem bix-xabla ma’ qaddu. U jien kien ikolli maġenbi t-trumbettier.
13U lill-kapijiet, lill-uffiċjali, u lill-bqija tal-poplu, jien għedtilhom: “Din hi biċċa xogħol ġmielha u mifruxa u aħna ninsabu mxerrdin fuq is-swar ’il bogħod wieħed minn ieħor.
14Ingħaqdu magħna għalhekk fil-post fejn tisimgħu d-daqq tat-tromba, u Alla tagħna jiġġieled għalina.”
15U hekk, filwaqt li nofsna kienu joqogħdu bil-lanez, aħna konna nagħmlu x-xogħol tagħna minn sbieħ il-jum sa ma jfeġġu l-kwiekeb.
16Dak iż-żmien lill-poplu għedtlu wkoll: “Kull wieħed minnkom jgħaddi l-lejl mal-qaddej tiegħu f’Ġerusalemm, u hekk tagħmlulna l-għassa billejl u x-xogħol binhar.”
17U la jien, la ħuti, la l-qaddejja tiegħi, u lanqas l-għases, li kienu warajja, ma konna nneħħu ħwejjiġna minn fuqna, u kull wieħed minna kien ikollu l-lanza f’idu l-leminija.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.