PROVERBJI 15 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 15

1Tweġiba ħelwa ttaffi l-korla,

kelma iebsa tqajjem l-għadab.

2Ilsien l-għorrief ixerred it-tagħlim;

fomm il-boloh iferragħ il-bluha.

3Kullimkien iħarsu għajnejn il-Mulej,

jgħassu fuq il-ħżiena u fuq it-tajbin.

4Ilsien ħelu bħal siġra tal-ħajja,

imma lsien ħażin imewwet il-qalb.

5L-iblah jistmell tagħlim missieru;

bil-għaqal hu min jaf jilqa’ t-twiddib.

6F’dar il-ġust hemm ġid kbir,

imma qligħ l-inġust iġib l-għawġ.

7Xufftejn l-għorrief ixerrdu t-tagħlim;

minn qalb il-boloh joħroġ il-qerq.

8Il-Mulej jistkerrah is-sagrifiċċju tal-ħżiena,

imma jitgħaxxaq bit-talba tat-tajbin.

9Il-Mulej jistkerrah l-imġiba tal-ħżiena,

imma jħobb ’il min ifittex is-sewwa.

10Tbeżbiża ħarxa jrid min joħroġ barra mit-triq;

min jobgħod it-twiddib il-mewt isib.

11Qiegħ l-Art u l-Imwiet quddiem għajnejn il-Mulej;

kemm aktar qlub il-bnedmin.

12L-insolenti ma jħobbx lil min iwiddbu,

u ma jmurx għand l-għorrief.

13Il-qalb ferħana tagħmel il-wiċċ daħkan,

imma l-qalb imnikkta tmewwet ir-ruħ.

14Min hu bil-għaqal ifittex it-tagħlim,

imma l-boloh jirgħu fil-bluha.

15L-imsejken għomru kollu fid-dwejjaq,

imma qalb il-hieni dejjem festa.

16Aħjar ikollok il-ftit bil-biża’ tal-Mulej,

milli jkollok teżor kbir bl-inkwiet tiegħu.

17Aħjar platt ħaxix mogħti bl-imħabba,

minn gendus smin bil-mibegħda miegħu.

18Min jagħdab ħafna jġib l-inkwiet,

min jimxi bis-sabar isikket il-ġlied.

19Triq l-għażżien hi kollha xewk,

imma l-mogħdija tal-bieżla hi triq tajba.

20Iben bil-għaqal iferraħ ’il missieru,

imma l-iblah ikasbar ’l ommu.

21Min hu bla moħħ jifraħ bil-bluha;

min hu bil-għaqal jimxi sewwa.

22Tifsil ta’ xogħol bla ħsieb jisfa’ fix-xejn,

imma bil-pariri ta’ ħafna jmur tajjeb.

23Jifraħ min jaf jagħti tweġiba tajba;

kelma f’waqtha, kemm hi sabiħa!

24Triq l-għaref tieħdu ’l fuq lejn il-ħajja,

u tbiegħdu mill-mewt ta’ taħt l-art.

25Il-Mulej iġarraf dar il-kburin,

imma jżomm sħaħ ħitan l-armla.

26Il-Mulej jistkerrah ħsibijiet il-ħżiena,

imma jitgħaxxaq bi kliem it-tajbin.

27Ir-rgħib għall-qligħ inkwiet f’daru jġib,

imma min jobgħod it-tixħim jgħix aħjar.

28Moħħ il-ġust jaħsibha qabel iwieġeb,

imma lsien il-ħżiena jinfexx fil-ħażen.

29Il-Mulej jitbiegħed mill-ħżiena,

imma jisma’ talb il-ġusti.

30Wiċċ imdawwal iferraħ il-qalb,

u aħbar tajba ssaħħaħ l-għadam.

31Min jilqa’ t-twiddib għall-ġid,

jagħmilha mal-għorrief.

32Min iwarrab it-tagħlim imur kontra tiegħu nnifsu,

imma min jisma’ t-twiddib jikseb id-dehen.

33Il-biża’ tal-Mulej hu tagħlim l-għerf;

u biex tasal għall-ġieħ, trid tiċċekken.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help