1Kbar huma l-ġudizzji tiegħek u tqal biex nifhmuhom;
għalhekk żbaljaw dawk li ma qagħdux għat-tagħlim.
2Dawk in-nies bla liġi, li ħasbu li setgħu ijassru l-poplu qaddis,
qabadhom id-dlam u rabathom lejl twil,
maqfulin bħal ġo ħabs taħt is-soqfa ta’
djarhom, barranija għall-providenza ta’ dejjem.
3Waqt li ħasbu li dnubiethom mistura kienu se jibqgħu moħbija
u minsija taħt faldrappa sewda,
tħawdu u tferrxu, megħlubin minn biża’ kbir,
u mwerwrin minn dehriet tal-biża’.
4Lanqas l-irkejjen ta’ djarhom fejn kienu, ma ħelsuhom mill-biża’;
għax ħsejjes koroh kienu jħabbtu madwarhom u jwerwruhom,
u kienu jidhrulhom fantażmi b’uċuħ li jwaħħxu.
5La l-qawwa tan-nar ma setgħet tagħti d-dawl,
lanqas id-dija ħajja tal-kwiekeb
ma setgħet iddawwal dak il-lejl tal-biża’.
6Kien jidhrilhom biss nar tal-biża’ jaqbad waħdu;
xħin kienu jarawh, imwerwrin kif kienu,
kienu jistħajlu agħar minn xħin kienu ma jaraw xejn.
7Għax xejn ma sewa l-logħob tas-sengħa tas-sħarijiet,
u ftaħir għerfhom waqqagħhom għad-daħk.
8Għax dawk li dehrilhom li setgħu jneħħu l-biża’
u l-qtigħ il-qalb mill-morda,
mardu huma stess b’biża’ tad-daħk.
9Għalkemm ma kien hemm xejn tal-biża’ li jwerwirhom
meta ġew l-insetti u nstama’ t-tisfir tas-sriep,
10indehxu u waqgħu bir-rogħda li qabdithom;
Lanqas biss riedu jaraw l-arja li minnha ma setgħux jaħarbu.
11Għax il-ħażen, minnu nnifsu beżżiegħi,
jixli u jikkundanna lilu nnifsu,
u, taħt it-tingiż tal-kuxjenza, ikabbar aktar il-ħsara.
12Il-biża’ jiġi meta wieħed jitlaq l-għajnuna ġejja mir-raġuni.
13U, aktar ma wieħed jaqta’ qalbu minnu nnifsu,
aktar jintrebaħ mill-biża’ bla ma jaf mnejn ġej id-dwejjaq tiegħu.
14Hekk huma f’dak il-lejl bla setgħa,
għax minn qiegħ l-art bla setgħa ġie fuqhom,
waqt li kienu reqdin raqda waħda.
15Xi wħud twerwru minn dehriet tal-biża’,
oħrajn tmewtu minn qtigħ qalbhom;
għax il-biża’ ġie fuqhom għal għarrieda bla ħsieb ta’ xejn.
16Hekk kull wieħed waqa’ fejn kien,
u ngħalaq f’ħabs bla qofol.
17Kien min kien, bidwi jew ragħaj,
jew ħaddiem jaħdem fix-xagħri,
inqabad u ma setax jaħrab mill-kundanna;
għax ilkoll intrabtu b’ħabel wieħed, dak tad-dlam.
18It-tisfir tar-riħ,
l-għana ferrieħi tal-għasfur qalb friegħi mifruxa,
il-ħoss sod tal-ilma jgelgel,
il-ħsejjes kbar ta’ blat jitgerbeb,
19il-ġiri ta’ bhejjem mexjin bla ma jidhru,
l-għajjat ta’ bhejjem l-aktar feroċi,
id-diwi tal-ħsejjes ħiereġ mill-għerien tal-għoljiet
- dan kollu qatilhom bil-biża’.
20Id-dinja kollha kienet imdawla b’dawl jiddi,
u baqgħet taħdem bla tfixkil;
21fuq dawk biss infirex lejl tqil,
xbieha tad-dlam li kien ġej fuqhom;
u itqal mid-dlam kien il-piż tagħhom stess.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.