1Tifħir. Ta’ David.
Ħa nkabbrek, Alla tiegħi, sultan,
u nbierek ismek għal dejjem ta’ dejjem.
2Kuljum irrid inbierkek,
u nfaħħar ismek għal dejjem ta’ dejjem.
3Kbir il-Mulej, ta’ min ifaħħru bil-bosta,
bla tarf il-kobor tiegħu.
4Nisel lil nisel isebbaħ għemilek,
u s-setgħa tiegħek ixandru.
5Il-ġmiel u l-kobor tas-sebħ tiegħek iħabbru,
u fuq l-għeġubijiet tiegħek jitħaddtu.
6Il-qawwa tal-għemejjel tiegħek tal-biża’ jxandru;
u jien fuq l-għemejjel kbar tiegħek nitħaddet.
7It-tjubija tiegħek bla qjies ifakkru,
jgħajtu bil-ferħ minħabba l-ġustizzja tiegħek.
8Twajjeb u ħanin il-Mulej,
idum biex jagħdab u kollu tjieba.
9Twajjeb ma’ kulħadd il-Mulej,
tjubitu fuq kulma għamel.
10Kulma għamilt iroddlok ħajr, Mulej;
iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.
11Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru,
fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu,
12biex jgħarrfu lill-bniedem il-qawwa tiegħek,
u s-sebħ u l-ġmiel tas-saltna tiegħek.
13Saltnatek hi saltna għaż-żminijiet kollha,
minn nisel għal nisel il-ħakma tiegħek.
Ta’ kelmtu l-Mulej fil-wegħdiet tiegħu kollha,
twajjeb f’dak kollu li għamel.
14Iwieżen il-Mulej ’il kull min se jaqa’,
iqajjem ’il kull min hu mitluq.
15Għajnejn kulħadd iħarsu lejk, Mulej,
u inti tagħtihom l-ikel f’waqtu.
16Int tiftaħ idek,
u xxabba’ ’l kulħadd bil-ġid.
17Ġust il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha,
twajjeb f’dak kollu li għamel.
18Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu,
lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa.
19Jaqtgħalhom xewqthom ’il dawk li jibżgħu minnu,
jisma’ l-għajta tagħhom, u jsalvahom.
20Iħares il-Mulej lil ħbiebu kollha,
imma lill-ħżiena jeqridhom.
21Tifħir il-Mulej ixandar fommi;
u jbierek kulħadd l-isem qaddis tiegħu
għal dejjem ta’ dejjem!
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.