2 SLATEN Ħarsa ħafifa lejn il-ktieb - Maltese Bible with DC
Ħarsa ħafifa lejn il-ktiebIl-ktieb tas-Slaten hu oriġinarjament it-tieni parti minn ktieb wieħed li nqasam fi tnejn billi kien twil wisq biex joqgħod f’parċmina waħda. It-Tieni Ktieb tas-Slaten ikompli jirrakkontalna l-istorja tas-saltniet separati ta’ Iżrael u Ġuda.Dan il-ktieb għandu żewġ taqsimiet prinċipali. L-ewwel sbatax-il kapitlu huma l-ġrajja taż-żewġ saltniet sakemm fis-sena 722 QK, is-Saltna ta’ Iżrael inħakmet mill-Assirja, il-belt kapitali tagħha, is-Samarija, kienet meqruda għalkollox, u l-poplu ttieħed fil-jasar. Hekk baqa’ biss is-Saltna ta’ Ġuda.L-istess xorti messet lis-saltna tan-Nofsinhar meta l-eżerċti tas-Sultan Nabukodonosor assedjaw il-belt ta’ Ġerusalemm u qerduha għalkollox. Il-poplu ta’ Ġuda, ħlief ftit, inġarru fl-eżilju fil-Babilonja. Il-ftit uħud li baqgħu fl-art ta’ Ġuda sabu ruħhom taħt it-tmexxija tal-Gvernatur Gedalija, bniedem magħżul minn Nabukodonosor innifsu. Fl-aħħar tal-ktieb jibda jidher xaqq ta’ dawl u tama għall-futur tas-saltna.Joħroġ ċar minn dan il-ktieb, li l-poplu għadda mit-tbatija ta’ dawn iż-żminijiet iebsa għaliex kontinwament tbiegħed minn Alla u dar għall-idoli. Imma Alla baqa’ jiġri wara l-poplu tiegħu billi bagħat profeti li jwissuh jerġa’ lura. Fl-aħħar wasal il-kastig, u ż-żewġ saltniet spiċċaw imkissra.Il-qerda ta’ Ġerusalemm hu mument storiku ta’ importanza kbira għall-ħajja ta’ Iżrael. Il-ktieb stess jispjega r-raġuni għad-diżastru li seħħ.Dan ġara minħabba l-korla tal-Mulej kontra Ġerusalemm u Ġuda, sa ma warrabhom minn quddiem wiċċu (24,20).It-taqsim tal-ktiebIs-saltna maqsuma (1,1—17,41)Il-Profeta Eliżew (1,1—8,15)Is-slaten ta’ Ġuda u ta’ Iżrael (8,16—17,4)Il-waqgħa tas-Samarija (17,5-41)Is-saltna ta’ Ġuda (18,1—25,30)Minn Ħeżekija sa Ġosija (18,1—21,26)Ir-renju ta’ Ġosija (22,1—23,30)L-aħħar slaten ta’ Ġuda (23,31—24,20)Il-waqgħa ta’ Ġerusalemm (25,1-30)