2 MAKKABIN Ħarsa ħafifa lejn il-ktieb - Maltese Bible with DC
Ħarsa ħafifa lejn il-ktiebAktarx li t-Tieni Ktieb tal-Makkabin kien l-ewwel wieħed li nkiteb fosthom. Mhuwiex kontinwazzjoni tal-ewwel wieħed, imma kitba totalment differenti. L-awtur ukoll hu differenti minn tal-ewwel ktieb. Dan hu Ġason iċ-Ċirinew li kiteb bil-Grieg u indirizza l-kitba tiegħu lil-Lhud ta’ Lixandra. Jittratta l-ġrajjiet li seħħew f’Ġuda bejn is-snin 175 u 160 QK.Il-bidu tal-ktieb jikkonsisti f’żewġ ittri ta’ ferħ li fihom il-kittieb iħeġġeġ lil-Lhud ta’ Lixandra jiċċelebraw flimkien ma’ ħuthom f’Ġuda, il-festi tal-purifikazzjoni tat-tempju. Wara deskrizzjonijiet ta’ kif isiru ċ-ċelebrazzjonijiet, insibu ħames avvenimenti li juru l-importanza tat-tempju ta’ Ġerusalemm.L-iskop tal-ktieb hu li jqanqal lill-qarrejja permezz ta’ kwadri li juru paċi u hena. Imma fl-istess waqt, l-awtur jisħaq enfasi fuq mumenti ta’ niket ħalli aktar toħroġ il-qawwa ta’ Alla li jiġġustifika lil min hu leali lejh. Naqraw diversi episodji ta’ nies li mietu martri biex ma jiċħdux il-liġijiet li fihom għexu u sabu l-milja ta’ ħajjithom.F’dan il-ktieb insibu minjiera ta’ tagħlim dwar Alla ħallieq li ma jieqaf qatt isostni lill-bniedem. Min ibati biex iżomm sod fit-triq ta’ Alla hu ċert minn hena dejjiema fil-ħajja wara l-mewt tal-ġisem. Qatt, sa dan iż-żmien, ma kien li r-reliġjon Lhudija kienet daħlet daqstant fil-fond fil-misteru tar-retribuzzjoni sa wara l-mewt. Dan it-tagħlim isib il-milja tiegħu fit-Testment il-Ġdid fejn permezz ta’ Ġesù l-qawmien mill-mewt isir iċ-ċentru u l-garanzija tat-twemmin nisrani.Jien nitlob lil kull min jiġi f’idejh dan il-ktieb biex ma jaqtax qalbu minħabba dawn il-ħsarat, imma jifhem li dawn il-kastigi ma seħħewx għall-qerda, imma għall-korrezzjoni ta’ ġensna (6,12).It-taqsim tal-ktiebIttri lil-Lhud fl-Eġittu (1,1—2,18)Id-daħla għall-ktieb mill-awtur (2,19-32)Inkwiet fit-tempju (3,1—4,50)Antijoku u l-persekuzzjoni tal-Lhud (5,1—7,42)Ir-rebħiet ta’ Ġuda (8,1—15,39)