1 MAKKABIN 9 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 9Spedizzjoni oħra ta’ Bakkidi u l-mewt ta’ Ġuda

1Meta Demetriju sama’ li Nikanor bl-eżerċtu tiegħu baqa’ mejjet fil-battalja, qatagħha li jerġa’ jibgħat lil Bakkidi u lil Alċimu fl-art ta’ Ġuda bit-taqsima l-leminija tal-eżerċtu magħhom.

2Qabdu t-triq ta’ Gilgal u waqqfu l-kamp f’Mesalot ħdejn Arbela; qabduha u qatlu ħafna nies.

3Fl-ewwel xahar tas-sena 152 waqqfu l-kamp ħdejn Ġerusalemm.

4Imbagħad telqu u marru Berija b’għoxrin elf raġel u elfejn żiemel.

5Ġuda kien waqqaf il-kamp f’Elasa bi tlitt elef raġel magħżula.

6Malli dawn raw li l-forzi tal-eżerċtu kienu kbar ħafna qabadhom biża’ kbir ħafna u ħarbu mill-kamp, u ma baqgħux miegħu ħlief tmien mitt ruħ.

7Kif ra Ġuda li l-eżerċtu tiegħu sfaxxalu, u l-battalja kienet waslet biex tibda minn mument għal ieħor, ħass għafsa ta’ qalb għax ma kellux żmien biex jiġborhom.

8B’jiesu maqtugħ kellem lil dawk li kien fadal: “Isaw, qumu ħa naħbtu għall-għedewwa tagħna, ħa naraw għandniex il-ħila negħlbuhom.”

9Iżda huma ppruvaw idawruh u qalulu: “Għalissa ma nistgħu nagħmlu xejn ħlief insalvaw ħajjitna, imbagħad nerġgħu lura ma’ ħutna, u niġġildulhom; bħalissa aħna ftit wisq.”

10U Ġuda wieġeb: “Ma jkun qatt li jien nagħmel dan, li naħrab minnhom! Jekk is-siegħa tagħna waslet, ħa mmutu ta’ rġiel li aħna għal ħutna, u ma nħallu qatt li jittabba’ ġieħna!”

11L-eżerċtu tal-għadu ħareġ mill-kamp u ħadu posthom kontrihom. Il-kavallerija tqassmet fi tnejn; quddiem l-eżerċtu kienu miexja l-waddaba tal-iżbandoli u l-vleġeġ, u fl-ewwel filliera kien hemm l-aqwa gwerriera. Bakkidi kien fil-ġenb tal-lemin.

12L-eżerċtu avanza f’żewġ taqsimiet, huma u jdoqqu t-trombi; u daqqew it-trombi wkoll in-nies ta’ Ġuda.

13L-art triegħdet bil-ħsejjes tal-eżerċti, u l-battalja damet sejra minn filgħodu sa filgħaxija.

14Xħin Ġuda ntebaħ li Bakkidi u l-aqwa tal-eżerċtu kienu fuq il-lemin, inġabru l-qalbenin kollha miegħu,

15u kisser il-qtajja’ tal-lemin, u għamel għal warajhom sa taħt il-muntanja Ażotu.

16Dawk li kienu fuq ix-xellug, imbagħad, meta raw li n-naħa tal-lemin tħarbtet, daru minn wara għal Ġuda u n-nies li kienu miegħu;

17u l-battalja qlielet u waqgħu ħafna midrubin minn naħa u minn oħra;

18u baqa’ mejjet ukoll Ġuda, u l-bqija ħarbu.

19Ġonatan u Xmun imbagħad ħadu ’l Ġuda ħuhom u difnuh fil-qabar ta’ missirijiethom f’Modin.

20U bkewh u xehru għalih l-Iżraelin kollha u għamlu l-vistu għal ħafna jiem. U bdew jgħidu:

21“Kif waqa’ l-qalbieni, is-salvatur ta’ Iżrael!”

22Il-bqija ta’ kulma għamel Ġuda, il-gwerer u l-għemejjel qalbiena u l-kobor tiegħu ma nkitbux, għax kienu ħafna.

Ġonatan jidħol flok Ġuda (160-142 QK)

23Ġara li wara l-mewt ta’ Ġuda r-rinnegati reġgħu refgħu rashom fl-art kollha ta’ Iżrael, u tfaċċaw mill-ġdid dawk kollha li kienu jagħmlu d-deni.

24F’dak iż-żmien waqa’ għaks kbir sewwa, u l-art donnha daret għal magħhom.

25Bakkidi għażel nies midgħajja u għamilhom kapijiet tal-pajjiż.

26Dawn bdew ifittxu u jitkixxfu fuq il-ħbieb ta’ Ġuda u jġibuhom quddiem Bakkidi. U hu kien jivvendika ruħu minnhom u jwaqqagħhom għaż-żufjett.

27Kien waqa’ għalhekk hemm kbir f’Iżrael, li qatt ma kien hemm bħalu minn meta deher profeta fosthom.

28Imbagħad iltaqgħu l-ħbieb kollha ta’ Ġuda u qalu lil Ġonatan:

29“Minn mindu miet ħuk Ġuda, m’hawnx bniedem bħalu biex imexxina kontra l-għedewwa u Bakkidi u kontra dawk minn ġensna li jobogħduna.

30Issa, mela, ħa nagħżluk illum kap tagħna floku u mexxej tagħna biex tmexxi t-taqbid u l-battalji tagħna.”

31U Ġonatan dakinhar aċċetta l-kmand u laħaq flok ħuh Ġuda.

L-ewwel battalja ta’ Ġonatan (160 QK)

32Malli sar jaf b’dan, Bakkidi beda jfittxu biex joqtlu.

33Iżda Ġonatan, Xmun ħuh, u dawk kollha li kienu miegħu indunaw, ħarbu lejn id-deżert ta’ Tekugħa, u waqqfu l-kamp ħdejn il-ġiebja ta’ Asfar.

34Bakkidi sar jaf b’dan f’jum is-Sibt, u telaq bl-eżerċtu tiegħu kollu u qasam il-Ġordan.

35Ġonatan imbagħad bagħat lil ħuh Ġwanni, il-kmandant tal-kotra, biex jitlob lin-Nabatin ħbiebu, biex iħalli għandhom il-ħafna tagħmir li kellhom.

36Imma minn Medeba ħarġu wlied Ġambri u ħatfu lil Ġwanni b’kulma kellu, u telqu b’kollox.

37Wara din il-ġrajja ħabbru lil Ġonatan u lil Xmun li wlied Ġambri kienu qegħdin jagħmlu tieġ kbir u kellhom iwasslu lill-għarusa, bint wieħed mill-kbarat ta’ Kangħan, minn Nadabat, b’kotra kbira ta’ ħaddara.

38U ftakru fid-demm ta’ ħuhom Ġwanni, u telgħu u nħbew għall-irdoss ta’ għolja.

39U refgħu għajnejhom, taw ħarsa madwarhom, u lemħu kortew b’ħamba kbira u tagħmira sħiħa; u l-għarus kien riesaq lejhom ma’ ħbiebu u qrabatu fost id-daqq tat-tnabar u ħafna armar.

40U l-Lhud inxteħtu għal fuqhom mill-moħba u għamlu ħerba minnhom; u l-bqija ħarbu lejn l-għoljiet; u ħadulhom il-priża.

41U t-tieġ inbidel f’vistu u d-daqq tagħhom f’tinwiħ.

54Fit-tieni xahar tas-sena 153 Alċimu ordna li jħottu l-ħajt tal-bitħa ta’ ġewwa tas-santwarju, u b’hekk jeqred xogħol il-profeti.

55Imma meta kienu diġà bdew iħottu, Alċimu ħassu ħażin u x-xogħol kellu jieqaf. Fommu ntebaq, ġismu bbies, u ma setax jgħid kelma, u jagħti ordnijiet dwar daru.

56U Alċimu miet dak in-nhar fost tbatijiet kbar.

57Malli Bakkidi ra li miet Alċimu raġa’ lura għand is-sultan; u l-art ta’ Ġuda baqgħet mistrieħa għal sentejn.

Taqbid ieħor ta’ Bakkidi (157 QK)

58F’dak iż-żmien ir-rinnegati ftiehmu lkoll u qalu: “Araw, Ġonatan u sħabu qegħdin jgħixu bi kwiethom kollhom fiduċja. Ħa nġibu lil Bakkidi; f’lejl wieħed jaqbadhom ilkoll.”

59U marru u ftiehmu miegħu.

60U Bakkidi qabad u telaq b’eżerċtu qawwi; bagħat ittri bil-moħbi lil sħabu fil-Lhudija biex jaqbdu lil Ġonatan u lil sħabu. Imma ma setgħux għax dawn saru jafu x’kellhom f’rashom.

61Anzi n-nies ta’ Ġonatan qabdulhom xi ħamsin raġel minn fost in-nies tal-pajjiż, li kienu l-aqwa fost ix-xewwiexa, u qatluhom.

62Imbagħad Ġonatan u Xmun u sħabhom ħarbu lejn Bet-basi li hemm fid-deżert, sewwew il-ħsara li kien hemm fiha u ffortifikawha.

63Meta sar jaf Bakkidi, ġabar l-eżerċtu tiegħu kollu u bagħat jgħarraf lil dawk tal-Lhudija.

64Ġie u waqqaf il-kamp madwar Bet-basi u ħabat għaliha għal ħafna żmien u tella’ xi magni kontriha.

65Ġonatan ħalla lil ħuh Xmun fil-belt, u hu ħareġ fil-kampanja bi ftit nies.

66U ħabat għal Odomera u għal ħutu u għal ulied Fasiron fit-tined tagħhom. U beda jirbaħ u jissaħħaħ fil-forzi.

67U Xmun u n-nies tiegħu ħarġu mill-belt u ħarqu l-magni.

68U ħabtu għal Bakkidi, u kissruh, u kiddewh bl-għali, għax il-ħsieb u l-ispedizzjoni tiegħu ġew fix-xejn.

69U għadab għall-aħħar għal dawk l-irġiel rinnegati li tawh il-parir li jiġi fil-pajjiż, u qatel ħafna minnhom. Imbagħad qatagħha li jerġa’ lura lejn pajjiżu.

70U Ġonatan sar jaf u minnufih bagħatlu messaġġiera biex jagħmel il-paċi miegħu u jroddlu l-priġunieri.

71U Bakkidi laqa’ l-proposti u għamel skont ma qallu, u ħalef lil Ġonatan li ma jagħmillu ebda deni kemm idum ħaj.

72Imbagħad tah lura l-priġunieri, li qabel kien qabad minn art Ġuda, u dar u raġa’ lura lejn pajjiżu, u qatt iżjed ma ġieħ f’rasu li jerġa’ jmur f’arthom.

73B’hekk ix-xabla strieħet f’Iżrael, u Ġonatan kien joqgħod f’Mikmas, u beda jiggverna lill-poplu u jneħħi l-midgħajja minn nofs Iżrael.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help