1Il-Mulej qalli: “Imqar jekk jiġu quddiemi Mosè u Samwel, mhijiex se ddur qalbi lejn dan il-poplu. Keċċihom minn quddiemi, ħa jitilqu ’l barra!
3“Jiena rfajtilhom erba’ kastigi, oraklu tal-Mulej, ix-xabla biex toqtolhom, il-klieb biex ikaxkruhom, it-tajr tal-ajru u l-bhejjem tal-art biex jikluhom u jeqirduhom.It-traġedja ta’ Ġerusalemm
5“Min se jħenn għalik Ġerusalemm?
Min se jsewwed qalbu għalik?
Min se jdur u jistaqsik kif inti,
x’minnek, intix fis-sliem?
6Int ċħadtni, oraklu tal-Mulej,
int inġbidt lura u tlaqt.
U jien erfajt idejja fuqek,
u ġibtek fix-xejn,
għax ma flaħtx iżjed inħenn għalik.
7Derrejthom bil-midra fi bwieb l-art,
neżżajthom mit-tfal, u qridt il-poplu tiegħi,
imma huma ma darux minn triqathom.
8Tkattru r-romol tagħhom aktar mir-ramel tal-baħar;
jien ġibt fuq omm iż-żagħżugħ,
il-qerried f’nofsinhar;
u niżżilt fuqhom għal għarrieda
diqa u tnehid.
9L-omm ta’ seba’ wlied infniet,
nifisha nqata’.
Ix-xemx tagħha niżlet,
meta kien għadu l-jum,
stħat u tħawdet.
U ’l min fadal minnhom nerħih għax-xabla
quddiem l-għedewwa tagħhom,”
oraklu tal-Mulej.L-ilmenti ta’ Ġeremija
10Imsejken jien, omm! Għaliex ulidtni
bniedem ġellied, li għandu xi jgħid mal-pajjiż kollu?
Jien la slift u lanqas issellift,
u madankollu kulħadd jisħetni’?
11Jgħid il-Mulej,
“Tassew, qdejtek tajjeb!
Tassew, ħbatt l-għedewwa għalik,
fi żmien il-hemm, fi żmien id-dwejjaq!
12Jista’ l-ħadid ifarrak il-ħadid u l-bronż tat-Tramuntana?
13Ġidek u t-teżori tiegħek nagħti bi priża,
mhux bi ħlas, għal dnubietek kollha fit-territorju kollu tiegħek.
14U nibagħtek fost l-għedewwa tiegħek
f’art li int ma tafx
għaliex xegħel in-nar tal-korla tiegħi
u fuqkom iħeġġeġ.
15Mulej, dan int tafu.
Ftakar fija u ejja żurni;
tħallas minn dawk li jiġru warajja.
Tħallinix ninqered minħabba sabrek.
Kun af li minħabba fik
qgħadt għat-tagħjir.
16Jien sibt kliemek, u kiltu;
u kelmtek saritli l-ferħ u l-hena ta’ qalbi;
għax ismek issejjaħ fuqi,
Mulej, Alla tal-eżerċti.
17Jien ma mortx fost iż-żufjettużi,
ma fraħtx magħhom;
jien qgħadt għalija waħdi quddiem qawwietek
għax inti mlejtni bil-korla.
18Għaliex għandi nibqa’ mnikket għal dejjem,
u l-marda kronika tiegħi ma tfiq qatt?
Se ssir int għalija
bħal nixxiegħa qarrieqa li tinxef?”
19Għalhekk dan jgħid il-Mulej:
“Jekk iddur lejja,
irreġġgħek lejja biex tieqaf quddiemi;
jekk tagħżel dak li jiswa minn dak li ma jiswiex,
int tkun bħal fommi.
Jerġgħu lura huma lejk,
u mhux int terġa’ lura lejhom.
20Nagħmlek sur qawwi tal-bronż
kontra dan il-poplu;
huma jaħbtu għalik,
iżda ma jkunux jifilħu għalik;
għax jiena miegħek,
biex neħilsek u nsalvak,
oraklu tal-Mulej.
21Neħilsek mill-qawwa tal-ħżiena,
u nifdik minn id it-tiranni.”
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.