1Għannu lill-Mulej għanja ġdida;
għannu lill-Mulej fl-art kollha!
2Għannu lill-Mulej, bierku ismu!
Ħabbru minn jum għal ieħor is-salvazzjoni tiegħu.
3Xandru fost il-ġnus is-sebħ tiegħu,
fost il-popli kollha l-għeġubijiet tiegħu.
4Għax kbir il-Mulej, ta’ min ifaħħru ħafna,
tal-biża’ aktar mill-allat kollha.
5Għax kollha frugħa l-allat tal-popli;
Jaħweh hu li għamel is-smewwiet!
6Ġmiel u sebħ huma quddiemu,
qawwa u sbuħija fis-santwarju tiegħu.
7Agħtu lill-Mulej, familji tal-popli,
agħtu lill-Mulej sebħ u qawwa;
8agħtu lill-Mulej is-sebħ ta’ ismu!
Ġibulu l-offerti, u idħlu fil-btieħi tat-tempju tiegħu;
9inxteħtu quddiem il-Mulej b’tiżjin qaddis;
triegħdu quddiemu, nies kollha tal-art!
10Għidu fost il-ġnus: “Il-Mulej isaltan!”
Hu jżomm sħiħa d-dinja biex qatt ma titħarrek;
hu li jiġġudika l-popli bis-sewwa.
11Ħa jifirħu s-smewwiet u tithenna l-art,
ħa jħabbat il-baħar u kulma fih,
12ħa jifraħ ir-raba’ u kulma fih,
u jgħannu bil-ferħ is-siġar kollha tal-bosk
13quddiem il-Mulej, għax ġej,
għax ġej biex jagħmel ħaqq mill-art.
Hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja,
u mill-popli bis-sewwa tiegħu.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.