SALMI 102 - Maltese Bible with DC

Salm 102Krib u talb fl-hemm

1Talba ta’ wieħed imnikket, li fit-telqa tiegħu jiftaħ qalbu mdejqa quddiem il-Mulej.

2Mulej, isma’ t-talba tiegħi,

ħa tasal għandek l-għajta tiegħi.

3Taħbix wiċċek minni f’jum id-dwejjaq tiegħi;

ressaq widintek lejja, meta nsejjaħlek fittex weġibni!

4Għax jiemi bħal duħħan jgħibu;

u għadmi bħal ħuġġieġa jaqbad.

5Nixfet qalbi bħal ħaxix maqtugħ;

ninsa niekol sal-ħobż tiegħi.

6Bl-ilfiq qawwi tiegħi

sirt għadma u ġilda.

7Qisni xi tajra fix-xagħri;

sirt bħal kokka qalb xi ħerba.

8Nibqa’ mqajjem u nitniehed,

bħal għasfur waħdu fuq bejt.

9Il-jum kollu jgħajruni l-għedewwa tiegħi,

jixegħlu għalija u jidgħu bija.

10Niekol l-irmied bħal ħobż,

u x-xorb tiegħi bid-dmugħ inħallat,

11minħabba l-għadab u s-saħna tiegħek,

għax inti rfajtni, u mbagħad tlaqtni.

12Jiemi qed jonqsu bħad-dell ta’ filgħaxija;

u jien bħal ħaxix qiegħed ninxef.

13Imma int, Mulej, għal dejjem tibqa’;

minn nisel għal nisel it-tifkira tiegħek.

14Inti tqum u tħenn għal Sijon,

għax hu ż-żmien u l-waqt li tħenn.

15Għax għażiż għall-qaddejja tiegħek il-ġebel tagħha;

tiġihom ħasra mit-trab tagħha.

16Ħa jkollhom il-ġnus il-biża’ ta’ ismek, Mulej,

u s-slaten kollha tal-art il-biża’ tas-sebħ tiegħek,

17meta l-Mulej jerġa’ jibni lil Sijon,

u jidher fis-sebħ tiegħu.

18U jisma’ t-talb tal-mitluqin,

ma jistmellx it-talb tagħhom.

19Jinkiteb dan għan-nisel li għad jiġi,

u poplu ġdid għad ifaħħar lill-Mulej.

20Il-Mulej iħares ’l isfel

mill-għoli tas-santwarju tiegħu,

u jittawwal mis-sema lejn l-art,

21biex jisma’ l-krib tal-ilsiera,

biex jeħles ’il dawk li huma għall-mewt.

22U hekk jixxandar f’Sijon isem il-Mulej,

u f’Ġerusalemm it-tifħir tiegħu,

23meta l-popli flimkien jinġemgħu,

u saltniet biex jaqdu l-Mulej.

24Neħħieli saħħti f’nofs it-triq,

qassarli ż-żmien ta’ ħajti.

25Jien ngħidlu: “Alla tiegħi,

la teħodnix f’nofs ħajti,

la darba żmienek idum għal dejjem.

26L-art int waqqaftha sa mill-bidu;

għemil idejk huma s-smewwiet.

27Huma jgħaddu, imma int tibqa’;

bħal libsa huma lkoll jiqdiemu,

tbiddilhom bħal libsa u jintemmu.

28Imma int li int tibqa’;

bla tmiem huma s-snin tiegħek.

29Ulied il-qaddejja tiegħek ikollhom darhom;

nisilhom jibqa’ għal dejjem quddiemek.”

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help