ISAIJA 6 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 6Is-sejħa ta’ Isaija

1Fis-sena li fiha miet is-sultan Għużżija,

jien rajt lil Sidi

bilqiegħda fuq tron għoli merfugħ ’il fuq;

djul il-libsa tiegħu kienu jimlew it-tempju.

2’Il fuq minnu kien hemm serafini,

kull wieħed b’sitt ġwienaħ:

bi tnejn kienu jgħattu wiċċhom,

bi tnejn kienu jgħattu riġlejhom,

u bi tnejn jittajru.

3U kienu jgħajtu u jwieġbu lil xulxin:

“Qaddis, qaddis, qaddis hu l-Mulej tal-eżerċti.

L-art kollha mimlija bil-glorja tiegħu.”

4Bl-għajjat tagħhom is-sisien tal-għetiebi theżżu,

u t-tempju mtela bid-duħħan.

5Imbagħad jiena għedt:

“Jaħasra għalija! Mitluf jien!

Bniedem b’xufftejh imniġġsa jien!

U f’nofs poplu b’xufftejh imniġġsa ngħammar;

madankollu rajt b’għajnejja lis-Sultan,

Il-Mulej tal-eżerċti.”

6Wieħed mis-serafini ttajjar lejja,

b’ġamra nar f’idu,

li hu kien qabad bi mqass minn fuq l-artal,

7u messli fommi biha u qalli:

“Ara, din messitlek xufftejk:

ħżunitek għebet,

u dnubek inħafer.”

8Imbagħad smajt leħen Sidi jgħid:

“Lil min se nibgħat? Min se jmurilna?”

U jien weġibt:

“Hawn jien: ibgħat lili!”

9U hu wieġeb: “Mur u għid lil dan il-poplu:

Tisimgħu, iva, imma ma tifhmux,

taraw, iva, imma la tagħrfux.

10Semmen qalb dan il-poplu,

soddlu widnejh,

agħmilu għajnejh,

li ma jmurx jara b’għajnejh,

u jisma’ b’widnejh,

u f’qalbu jifhem,

u jdur u jfiq.”

11U jien għedt: “Sakemm Sidi?”

U hu wieġeb: “Sakemm jitħarbtu l-bliet,

u ħadd ma jgħammar fihom,

u d-djar jibqgħu bla nies,

u r-raba’ jinbidel f’xagħri.

12U l-Mulej ibiegħed lin-nies

u bosta jkunu l-imkejjen fil-pajjiż mitluqa.

13U tibqa’ l-waħda fl-għaxra,

imma wkoll din terġa’ tilħaq il-ħerba.

Bħalma l-balluta u t-terebint meta jqaċċtuhom,

minnhom jibqa’ biss iz-zokk.”

Żerriegħa qaddisa jkun iz-zokk tagħha.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help