1Il-Mulej wieġeb lil Ġob minn ġot-tempesta
u qallu:
2“Min hu dan li jrid joskura l-pjan ta’ Alla
bi kliem bla għaqal?
3Isa, ħażżem bħal qalbieni ġenbejk,
ħa nsaqsik u inti weġibni.
4Fejn kont int jien u nqiegħed sisien l-art?
Għidli, jekk għandek id-dehen.
5Min ħażżiżhom il-qisien tagħha?
Min ħadulha l-qjies? Żgur taf int!
6Fuqiex qed iżommu l-kolonni tagħha?
Min qiegħed ras il-għareb tagħha,
7hi u tgħanni l-ġemgħa tal-kwiekeb ta’ filgħodu,
u tgħajjat bil-ferħ ix-xirka ta’ wlied Alla?
8Min kien dak li għalaq il-baħar b’bibien,
meta dan b’qawwa ħareġ mill-ġuf,
9meta bis-sħab libbistu,
u bid-dlam fisqejtu,
10meta t-truf tiegħu qegħedtlu bħal xatbiet,
u bibien li bihom għalaqtu
11u għedtlu: ‘Sa hawn biss tasal u mhux aktar,
ma taqbiżx minn hawn il-qawwa ta’ mwieġek’?
12Qatt kemm ilek fid-dinja kkmandajt is-sebħ,
jew urejt liż-żerniq postu,
13biex jaqbad l-art mit-truf tagħha,
u jfarfar minnha l-ħżiena?
14Bih tinbidel bħal tafal taħt is-siġill,
u tiġi mżewqa bħal libsa.
15Jinqata’ lill-ħżiena d-dawl tagħhom,
u d-driegħ merfugħ jitkisser.
16Qatt wasalt sa għejun il-baħar,
u mxejt fuq il-qiegħ tiegħu?
17Qatt urewk bibien l-Imwiet?
Qatt rajt b’għajnejk bibien id-Dlam?
18Qatt ħaddant b’ħarstek il-medda sħiħa tal-art?
Taf tgħidli l-wisa’ kollu tagħha?
19Minn fejn tgħaddi għal ħdejn id-dawl,
u fejn joqogħdu d-dlamijiet,
20biex tmexxihom sas-saltna tagħhom,
jew tqabbadhom it-triq lejn darhom?
21Int tafu dan la diġà kont imwieled,
u l-għadd ta’ sninek kbir tassew!
22Qatt wasalt sal-imħażen tal-borra?
Rajthom xejn il-ħażniet tas-silġ,
23li għandi merfugħa għal żmien il-ħsara,
għal jiem it-taqbid u l-gwerra?
24Kif tinfirex is-sħana,
u jixtered fuq l-art ir-riħ isfel?
25Min fetaħ għall-għargħar is-swieqi,
u t-triq għall-beraq tar-ragħad,
26biex jagħmel ix-xita fuq art bla nies,
fuq deżert li ħadd ma jgħix fih,
27biex isaqqi art żdingata u mitluqa,
u jnibbet ħxejjex minn art maħruqa?
28Jaqaw għandha xi missier ix-xita?
U l-qtar tax-xita min nisslu?
29Minn ħdan min ħareġ is-silġ?
Min ta t-twelid lill-ġlata tas-sema,
30li biha jibbies daqs il-ġebel l-ilma,
u jagħqad wiċċ il-baħar bla qiegħ?
31Għandek il-ħila tgħaqqad il-kwiekeb tat-Trajja,
jew tħoll minn xulxin l-istilel tal-Ġgant?
32Toħroġ inti f’waqtha l-kewkba Mażarot,
jew tmexxi l-Orsa biż-żgħar tagħha?
33Taf hekk sewwa l-liġijiet tas-sema,
li tikteb għall-art l-ordni tagħhom?
34Tista’ tgħolli sas-sħab leħnek,
u tniżżel fuqek ħalba xita?
35Tibgħat int il-beraq u jmorrulek?
Se jgħidulek: ‘Arana, sejrin’?
36Min nissel f’Thot l-għerf?
Min żejjen bid-dehen lil Sekwi?
37Min jista’ b’għerfu jgħodd is-sħab,
jew jaqleb il-qliel tal-ilma tas-sema,
38meta tkun għaqdet ġebla l-ħamrija
u t-tub imwaħħal flimkien?
39Taqbad int il-priża għall-iljuna,
u ttaffi l-ġuħ tal-frieħ tagħha,
40xħin ikunu mixħuta fl-għar tagħhom
jew jissajjaw fil-moħbi għall-ħatfa?
41Min iħejji liċ-ċawlun l-ikla tiegħu
xħin jgħajtu ’l Alla ż-żgħar tiegħu,
u jkunu jwerżqu bil-ġuħ?
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.