1Għal mexxej tal-kor. Salm ta’ David.
2Fik, Mulej, jien nistkenn;
ma jkolli qatt għax nirgħex.
Fil-ġustizzja tiegħek salvani,
3agħtini widen u fittex eħlisni.
Kun blata tal-kenn għalija,
fortizza qawwija ta’ salvazzjoni.
4Inti l-blata u l-fortizza tiegħi;
f’ġieħ ismek mexxini u wassalni.
5Oħroġni mix-xibka li ħbew għalija,
għax inti l-qawwa tiegħi.
6F’idejk jien nerħi ruħi;
int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa.
7Int tobgħod ’il min iqim allat fiergħa;
imma jien fil-Mulej nittama.
8Nifraħ u nithenna għat-tjieba tiegħek,
int, li rajt l-hemm tiegħi,
li għaraft id-diqa ta’ qalbi.
9Ma tlaqtnix f’idejn l-għedewwa,
imma qegħedtli fil-wisa’ riġlejja.
10Ħenn għalija, Mulej, għax ninsab fil-hemm,
infnew għajnejja minħabba d-dwejjaq,
ruħi wkoll u l-ġewwieni tiegħi.
11Infniet ħajti bl-għali,
u bl-ilfiq is-snin ta’ ħajti;
minħabba fil-hemm naqsitni saħħti,
u tmermer għadmi kollu.
12Minħabba l-għedewwa tiegħi kollha,
jien sirt ħaġa ta’ min ikasbarha;
jitwerwru l-ġirien tiegħi,
u min jafni jibża’ minni.
Dawk li jarawni barra jaħarbu minni.
13Insewni bħal wieħed mejjet,
sirt bħal ġarra mkissra.
14Għax smajt l-għajdut tal-kotra fuqi;
biża’ minn kullimkien madwari.
Jiftiehmu bejniethom kontrija,
jonsbuni biex jeħduli ħajti.
15Imma jien fik nittama, Mulej;
jien ngħidlek: “Alla tiegħi int!”
16F’idejk hi xortija,
eħlisni minn id l-għedewwa,
minn id dawk li jeħduha kontrija.
17Uri d-dawl ta’ wiċċek lill-qaddej tiegħek;
fit-tjieba tiegħek eħlisni.
18Mulej, tħallinix ninfixel,
lili li qed insejjaħlek;
ħa jinfixlu l-ħżiena,
u jinżlu mbikkma f’art l-imwiet!
19Ħa jisktu x-xufftejn giddieba,
li jmaqdru u jkasbru l-ġust bil-kburija!
20Kemm hu kbir il-ġid tiegħek, Mulej,
li inti rfajt għal min jibża’ minnek,
li int ħejjejt għal min jafda fik,
quddiem il-bnedmin kollha!
21Bil-ħarsien tiegħek tkenninhom
kontra t-tnassis tal-bnedmin;
fl-għarix tiegħek taħbihom
kontra t-tqassis tal-ilsna.
22Imbierek il-Mulej li minn belt qawwija
għamel miegħi għeġubijiet ta’ tjieba.
23Jien għedt fil-fixla li kelli:
“Ninsab maqtugħ minn taħt għajnejk.”
Imma int smajt leħen it-tħannin tiegħi
meta sejjaħt l-għajnuna tiegħek.
24Ħobbu l-Mulej, ħbieb tiegħu kollha.
Lit-twajbin iħarishom il-Mulej,
imma jpattiha sewwa lil min jimxi bil-kburija.
25Issaħħu u qawwu qalbkom,
intom ilkoll li tittamaw fil-Mulej.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.