IL-KTIEB TAL-GĦERF 10 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 10L-għerf u l-Patrijarki

1L-ewwel bniedem li nħalaq missier id-dinja,

ħarsu l-għerf, meta kien għadu waħdu;

qajmu mill-waqgħa tiegħu,

2u tah il-qawwa li jaħkem fuq kollox.

3Iżda malli dak il-ħażin fl-għadab tiegħu tbiegħed minnu,

intilef fis-saħna tiegħu u qatel lil ħuh.

4Meta mbagħad minħabba fih tgħerrqet l-art,

l-għerf ħelisha mill-ġdid,

billi mexxa lill-ġust fuq daqsxejn ta’ laqxa.Abraham u Lot

5Kien l-għerf li meta l-ġnus kienu mgħaddsa fil-ħażen,

għażel raġel ġust u żammu bla tebgħa quddiem Alla,

żammu sod minkejja mħabbtu għal ibnu.

6Meta l-ħżiena kienu se jinqerdu,

l-għerf ħeles wieħed ġust minn fosthom,

u ħarab hu u nieżel in-nar fuq il-ħamest ibliet.

7Hemm, b’xhieda tal-ħażen tagħhom,

għad baqa’ ħerba ddaħħan,

u siġar li qatt ma jsajru frotthom;

hemm ukoll wieqaf plier tal-melħ, b’tifkira għal min ma jemminx.

8Talli huma telqu l-għerf,

mhux biss iċċaħħdu mit-tagħrif tat-tajjeb,

imma ħallew ukoll lid-dinja tifkira ta’ bluhathom,

biex qatt ma jistgħu jistaħbew minn ħtijiethom.

9Iżda ’l dawk li qdewh, l-għerf ħelishom mit-taħbit.Ġakobb

10Lill-ġust, li ħarab mill-għadab ta’ ħuh,

l-għerf mexxieh minn toroq dritti,

wrieh is-saltna ta’ Alla,

u għarrfu l-ħwejjeġ qaddisa tiegħu;

ġiebu ’l quddiem f’xogħlu,

u kattarlu frott ħidmietu.

11Hu waqaf miegħu kontra r-regħba ta’ min kien jgħakksu,

u mlieh bl-għana.

12Ħarsu mill-għedewwa tiegħu,

u saħħu kontra l-insib tagħhom,

ħarġu rebbieħ fit-taqbida qalila,

biex għallmu li t-tjieba hi aqwa minn kollox.Ġużeppi

13Lill-ġust, li ġie mibjugħ, l-għerf ma telqux,

imma ħelsu mid-dnub.

14Sa fil-ħabs niżel miegħu,

ma telqux fl-irbit tal-ktajjen,

sakemm ġieblu x-xettru tas-saltna,

u tah is-setgħa fuq dawk li ħaqruh;

lil dawk li xlewh ħariġhom ta’ giddieba,

u tah ġieħ għal dejjem.Il-ħruġ mill-Eġittu

15Lill-poplu qaddis, nisel bla ħtija,

l-għerf ħelsu minn ġens li kien jaħqru.

16Hu daħal f’wieħed qaddej tal-Mulej;

li b’sinjali u għeġubijiet waqaf lil slaten tal-biża’.

17Ta lill-qaddisin il-ħlas tat-taħbit tagħhom,

mexxiehom minn triq tal-għaġeb,

kien għalihom kenn binhar,

u ħuġġieġa ta’ kwiekeb billejl.

18Għaddiehom mill-Baħar l-Aħmar

mexxiehom minn ġo ilma għoli,

19imma l-għedewwa tagħhom għerriqhom,

tellagħhom mill-qiegħ u rmiehom.

20Għalhekk it-tajbin żarmaw il-ħżiena;

imbagħad għannew, Mulej, lill-isem imqaddes tiegħek,

u faħħru għalenija ’l idek, li tathom ir-rebħa.

21Għax l-għerf fetaħ fomm l-imbikkma,

u ħall l-ilsna tat-trabi.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help