1Eliħu ssokta jgħid:
2“Taħseb int li dan huwa sewwa,
tgħid: ‘Jien għandi raġun, mhux Alla’,
3jew xħin tgħid: ‘X’jiswieli?
Fiex jien aħjar jekk ma nidnibx?’
4Għal dan jien hekk inwieġeb,
lilek u ’l ħbiebek f’daqqa:
5‘Erfa’ għajnejk lejn is-sema, ħares,
qis is-sħab kemm hu ogħla minnek!
6Jekk tidneb x’deni tagħmel lil Alla?
U mqar tkattar ħtijietek, x’tagħmillu?
7Jekk tagħmel is-sewwa x’tagħtih?
X’se jieħu b’daqshekk mingħandek?
8Lil bniedem bħalek tolqot ħżunitek,
lill-bnedmin ħutek jiswa s-sewwa tiegħek.
9Taħt it-toqol tal-moħqrija n-nies tgħajjat,
u kontra driegħ il-qawwijin titlob l-għajnuna.
10Iżda ħadd minnhom ma jgħid:
‘Fejn hu Alla li ħalaqni,
li jagħti l-wens billejl,
11li jgħallimna aktar mill-bhejjem tal-art,
u jagħmilna egħref mit-tajr tal-ajru.’
12Uħud jgħajtu iżda Hu ma jweġibx,
minħabba kburithom ta’ nies ħżiena.
13Kollu ta’ xejn, Alla ma jagħtix widen għall-kliem fieragħ,
Xaddaj ma jagħtix kasu.
14Kemm inqas, mela, xħin int tgħid li ma tilmħux,
li ressaqt kawża quddiemu u qed tistennieh,
15jew xħin tgħid li xejn ma tikkastiga l-korla tiegħu,
u li Hu ma jagħrafx sewwa l-ħtija?
16Tassew, fil-vojt Ġob jiftaħ ħalqu,
ipaċpaċ ħafna u bla sens.”
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.