SALMI 89 - Maltese Bible with DC

Salm 89Iżrael u l-wegħda ta’ Alla lil David

1Maskil. Ta’ Etan, l-Eżraħi.

2It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni;

f’kull żmien ixandar fommi l-fedeltà tiegħek.

3Għax jien għedt: “Tjubitek tibqa’ sħiħa għal dejjem;

bħas-smewwiet int wettaqt il-fedeltà tiegħek.”

4“Għamilt patt mal-magħżul tiegħi,

ħlift lil David, il-qaddej tiegħi:

5‘Jien nagħmel li nislek jibqa’ għal dejjem,

li f’kull żmien jibqa’ sħiħ it-tron tiegħek.’ ”

6Ifaħħru s-smewwiet għeġubijietek, Mulej,

u l-fedeltà tiegħek fil-ġemgħa tal-qaddisin.

7Għax min hemm fis-sema daqs il-Mulej?

Min jixbah lill-Mulej fost dawk li hemm fis-sema?

8Tal-biża’ Alla fil-laqgħa tal-qaddisin,

kbir u tal-biża’ fuq dawk kollha ta’ madwaru.

9Mulej, Alla tal-eżerċti, min hu bħalek?

Int qawwi, Mulej, u kollok fedeltà.

10Int taħkem fuq il-baħar imqalleb;

meta jqumu l-imwieġ int trażżanhom.

11Int tisħaq ’il Raħab bħal midrub għall-mewt;

bi driegħek setgħani tferrex l-għedewwa tiegħek.

12Tiegħek is-smewwiet u tiegħek l-art,

id-dinja b’kulma fiha int waqqaftha.

13It-Tramuntana u n-Nofsinhar inti ħlaqthom;

b’ismek jifirħu t-Tabor u l-Ħermon.

14Driegħ kollu qawwa hu driegħek,

b’saħħitha idek, merfugħa lemintek.

15Fuq id-dritt u l-ġustizzja mibni t-tron tiegħek;

tjieba u fedeltà jgħaddu quddiemek.

16Hieni l-poplu li jaf jgħajjat bil-ferħ,

li jimxi, Mulej, fid-dawl ta’ wiċċek.

17B’ismek jithennew il-jum kollu,

u bil-ġustizzja tiegħek jifirħu.

18Għax inti l-foħrija tal-qawwa tagħhom;

għal tjubitek nerfgħu rasna fl-għoli.

19Għax il-Mulej it-tarka tagħna;

il-Qaddis ta’ Iżrael is-sultan tagħna.

20Dhert fl-imgħoddi lil ħbiebek u għedtilhom:

“Jien qegħedt il-kuruna fuq ras wieħed qalbieni;

ħtart żagħżugħ u għollejtu fuq il-poplu.

21Sibt ’il David, qaddej tiegħi,

biż-żejt imqaddes tiegħi dliktu;

22tkun idi dejjem miegħu,

u nsaħħu wkoll bi driegħi.

23Ma jgħakksux l-għadu tiegħu;

ma jbaxxihx il-bniedem ħażin.

24Inxejjen quddiemu l-għedewwa tiegħu,

u nsawwat lil min jobogħdu.

25Miegħu jkunu l-fedeltà u t-tjieba tiegħi;

b’ismi tissaħħaħ il-qawwa tiegħu.

26Is-setgħa ta’ jdejh nifrex fuq il-baħar;

fuq ix-xmajjar taħkem il-leminija tiegħu.

27Hu jsejjaħli: Int missieri u Alla tiegħi,

fortizza u salvazzjoni tiegħi!

28U jiena nagħmlu l-iben il-kbir tiegħi,

l-ogħla fost is-slaten tal-art.

29It-tjieba tiegħi nżommha fuqu għal dejjem,

u l-patt tiegħi miegħu jibqa’ sħiħ.

30Nagħmel li nislu jibqa’ għal dejjem;

it-tron tiegħu jkun bħall-jiem tas-sema.

31Jekk uliedu jħallu l-liġi tiegħi,

u ma jimxux skont il-preċetti tiegħi;

32jekk huma jiksru l-liġijiet tiegħi,

u ma jħarsux il-kmandamenti tiegħi,

33jien nikkastiga ħtijiethom bil-virga,

u bis-swat il-ħażen tagħhom.

34Iżda ma nwarrabx tjubiti minnu;

ma niksirx il-kelma li tajtu.

35Ma nonqosx mill-patt tiegħi;

ma nerġax lura minn kelmti.

36Ħlift bi qdusiti darba għal dejjem,

żgur li b’David ma nqarraqx.

37Nislu għal dejjem jibqa’;

it-tron tiegħu bħax-xemx quddiemi.

38Bħall-qamar jibqa’ għal dejjem;

it-tron tiegħu aktar sod mis-sema.”

39Imma int warrabt is-sultan midluk tiegħek;

għadabt għalih u begħedtu minnek.

40Ħassart il-patt mal-qaddej tiegħek;

kasbart mal-art il-kuruna tiegħu.

41Ġarraft il-ħitan tiegħu kollha;

għamilt ħerba mis-swar tiegħu.

42Kull min jgħaddi minn ħdejh jisirqu;

sar iż-żebliħ tal-ġirien tiegħu.

43Qajjimt il-leminija tal-għedewwa tiegħu,

ferraħt ’il dawk kollha li huma kontrih.

44Reġġajtlu lura s-sejf misnun tiegħu;

ma waqaftx miegħu fit-taqbida.

45Kissirtlu x-xettru ta’ ġieħu;

mal-art tfajtlu t-tron tiegħu.

46Qassartlu ż-żmien ta’ żgħożitu,

u ksejtu bil-mistħija.

47Mulej, se tibqa’ għal dejjem tinħeba minna?

Se jibqa’ ħuġġieġa nar l-għadab tiegħek?

48Ftakar li ftit huma jiem ħajti.

Għal daqshekk int ħlaqtu l-bniedem?

49Min hu li jgħix u ma jarax il-mewt?

Min jeħlisha mis-setgħa tal-imwiet?

50Fejn hi, Sidi, it-tjieba tiegħek ta’ dari?

Fejn hi l-fedeltà li biha ħlift lil David?

51Ftakar, Sidi, kif inhu mkasbar il-qaddej tiegħek;

kif qed nilqa’ ġo fija ż-żebliħ tal-popli,

52iż-żebliħ li qed jagħmlulna l-għedewwa tiegħek,

Mulej, li qed ikasbru kull ħjiel tas-sultan midluk tiegħek.

53Imbierek il-Mulej għal dejjem!

Ammen! Ammen!

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help