ĠOB 11 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 11Diskors ta’ Sofar: Alla hu għaref

1Imbagħad wieġeb Sofar in-Nagħmi u qal:

2“Se jitħalla bla tweġiba dan il-lablabi?

Jaqaw min jgħid ħafna jieħu raġun?

3Taħseb int li se jsikket in-nies tpaċpiċek?

Se tibqa’ żżeblaħ u ma jċanfrek ħadd?

4Int tgħid: ‘Safi t-tagħlim tiegħi,

bla ħtija jien quddiem Alla.’

5Mhux li kien jitkellem Alla

u jiftaħ miegħek fommu!

6Li kien jurik il-misteri ta’ għerfu,

li huma tqal biex tifhimhom,

kont tagħraf kemm iħallsek inqas milli ħaqqu dnubek!

7Taħseb inti li se tikxef il-misteru ta’ Alla,

jew tilħaq it-tarf ta’ Xaddaj?

8Hu ogħla mis-smewwiet: kif se tilħqu?

Hu aktar fond mill-Qiegħ: x’taf int bħalek?

9Jgħaddiha l-art minn tulu,

u l-baħar mill-wisa’ tiegħu.

10Jekk jiġi jaqbad u jarresta ’l xi ħadd

u għall-ħaqq isejjaħlu, min iżommu?

11Hu jaf min huma l-bnedmin qarrieqa,

jara l-ħażen u jiżnu sewwa.

12Iżda l-iblah idaħħal f’moħħu

meta l-ħmar selvaġġ jitwieled mans.

13Jekk iddawwar lejn Alla qalbek,

u tiftaħ lejh idejk;

14jekk tbiegħed minn idejk il-ħażen,

u ma tħallix jgħammar id-dnewwa f’darek,

15tkun tista’ terfa’ wiċċek bla mistħija,

tkun fis-sod u ma jkollokx mniex tibża’.

16Għax int tinsieh in-niket tiegħek,

jew tiftakru bħal ilma li għadda.

17Aktar mid-dawl ta’ nofsinhar tkun tiddi ħajtek;

għalik id-dlam ikun bħas-sebħ.

18Moħħok mistrieħ għall-ġejjieni tiegħek,

hemm x’jagħmillek tajjeb u torqod fil-kwiet.

19Timtedd u ħadd ma jqajmek,

u ħafna jżiegħlu bik.

20Iżda l-ħżiena jinfnewlhom għajnejhom,

ma jkollhomx aktar fejn jagħtu rashom,

il-mewt biss it-tama tagħhom.”

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help