PROVERBJI 10 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 10Il-proverbji ta’ Salamun

1Il-proverbji ta’ Salamun:

Iben għaref iferraħ lil missieru,

iben iblah inikket ’l ommu.

2Ma fihx qligħ l-għana bid-dnewwa,

mill-mewt jinħeles min jimxi bis-sewwa.

3Ma jħallix il-Mulej il-ġust bil-ġuħ,

iżda jġib fix-xejn xewqat il-ħżiena.

4Id l-għażżien iġġib fuqu l-faqar,

imma id il-bieżel iġġiblu l-għana.

5Bil-għaqal hu min jaħżen fis-sajf,

imma għajb għalih min jorqod fil-ħsad.

6Barkiet jinżlu fuq ras il-ġust,

imma fomm il-ħżiena jaħbi l-vjolenza.

7It-tifkira tal-ġust titbierek,

imma isem il-ħżiena jitħassar.

8Min hu tassew għaref jilqa’ l-kmandamenti,

iżda min hu iblah fi kliemu jiġi fil-għali.

9Min jimxi dritt, jimxi sod,

iżda min jgħawweġ triqatu jinqabad.

10Min jagħlaq għajnejh għall-ħażen, iġib l-inkwiet,

iżda min iwiddeb fil-beraħ, iġib is-sliem.

11Fomm il-ġust hu għajn tal-ħajja,

imma fomm il-ħżiena jaħbi d-dnewwa.

12Il-mibegħda tqanqal il-ġlied,

imma l-imħabba tgħatti kull ħtija.

13L-għerf jinsab fuq fomm min jifhem,

imma l-bastun għal dahar min hu bla moħħ.

14In-nies bil-għaqal jaħżnu l-għerf,

imma kliem l-iblah iqarreb il-qerda.

15Ġid l-għani hu l-belt qawwija tiegħu,

faqar il-foqra hu l-qerda tagħhom.

16Xogħol il-ġust iwassal għall-ħajja,

qligħ il-ħażen jintemm fid-dnub.

17Min jilqa’ t-tagħlim, hu fi triq il-ħajja,

iżda min iwarrab it-twiddib, jitlef it-triq.

18Min jgħid il-gideb jaħbi l-mibegħda,

min iqassas fuq l-oħrajn hu iblah.

19Il-kliem żejjed mhux nieqes mill-ħtija;

meqjus fi kliemu min hu bil-għaqal.

20Ilsien il-ġust fidda magħżula;

moħħ il-ħżiena ftit li xejn jiswa.

21Xufftejn il-ġust jgħallmu lil ħafna,

imma l-boloh jintemmu għax bla moħħ.

22Il-barka tal-Mulej iġġib l-għana,

u xejn ma jżid magħha t-taħbit tagħna.

23Il-gost tiegħu l-iblah jagħmel il-ħażen,

imma l-hena tal-għaref li jimxi bil-għaqal.

24Dak li minnu l-ħażin jibża’, jiġi fuqu,

imma tinqatgħalhom xewqithom lit-tajbin.

25Tgħaddi t-tempesta, u jgħib il-ħażin,

imma l-ġust jibqa’ fis-sod għal dejjem.

26Bħall-ħall għas-snien u bħad-duħħan għall-għajnejn,

hekk hu l-għażżien għal min jibagħtu jaqdih.

27Il-biża’ tal-Mulej ikattar l-għomor,

imma l-ħżiena għomorhom qasir.

28It-tajbin jistennew u jithennew,

imma l-ħżiena jittamaw għalxejn.

29Il-Mulej hu sur għal min jimxi sewwa,

imma hu qerda għal min jagħmel il-ħażen.

30Il-bniedem ġust qatt ma jitħarrek,

imma l-ħżiena ma jdumux fuq l-art.

31Minn fomm il-ġust joħroġ l-għerf,

imma l-ilsien qarrieq jinqata’ barra.

32Fomm il-ġust jgħid dak li jingħoġob,

imma fomm il-ħżiena jitkellem bil-qerq.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help