HOSEGĦA 2 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 2It-tiġdid tal-poplu

1U jiġri li l-għadd ta’ wlied Iżrael ikun bħar-ramel tal-baħar

li ma jitkejjilx u lanqas jingħadd.

U jiġri li fil-post fejn kienu jgħidulhom:

‘M’intomx il-poplu tiegħi,’

jibdew jgħidulhom:

‘Intom ulied Alla l-ħaj’.

2Imbagħad ulied Ġuda

u wlied Iżrael jinġemgħu flimkien,

u jaħtru kap wieħed għalihom

u jitilgħu mill-art:

għax kbir ikun jum Ġeżragħel.

3Għidu lil ħutkom subien, ‘Għammi’,

u lil ħutkom bniet, ‘Ruħama’.Id-dnub ta’ Gomer

4“Tlewmu ma’ ommkom! Tlewmu magħha!

għax hi mhijiex marti,

u jien m’iniex żewġha.

Ħa twarrab iż-żina tagħha

minn fuq wiċċha,

u l-adulterji tagħha minn ħobbha.

5Li ma nneżżagħhiex għarwiena,

u nagħmilha bħal dakinhar li twieldet,

u nġibha bħad-deżert u nagħmilha bħal art niexfa,

u noqtolha bil-għatx.

6Lanqas għal uliedha ma nħenn

għax huma wlied iż-żina;

7għax ommhom żniet.

Dik li wildithom waqgħet fl-għajb

għax hi qalet: ‘Jiena mmur wara ħbiebi

għax huma tawni l-ikel u l-ilma,

is-suf u l-għażel,

iż-żejt u x-xorb tiegħi.’

8Għalhekk nagħlqilha triqitha bix-xewk,

nibnilha ħajt madwarha,

biex ma ssibx mogħdija.

9Tmur tiġri wara ħbiebha, u ma tilħaqhomx;

tmur tfittixhom u ma ssibhomx.

U tgħid: ‘Nerġa’ lura għand l-ewwel żewġi,

għaliex kont aħjar f’dak iż-żmien minn issa.’

10Hi ma għarfitx li kont jien

li tajtha l-qamħ u l-inbid u ż-żejt,

u kattartilha l-fidda u d-deheb

li bihom għamlu ’l Bagħal.

11“Għalhekk nerġa’ nieħu lura

l-qamħ tiegħi f’waqtu,

l-inbid tiegħi f’waqtu,

nieħu lura s-suf u l-għażel tiegħi

li kienu jgħattu l-għera tagħha;

12nikxef l-għajb tagħha quddiem ħbiebha,

u ħadd ma jeħlisha minn idejja.

13U ntemm il-ferħ kollu tagħha,

il-festi, il-qamar ġdid,

is-Sibtijiet u l-btajjel kollha tagħha.

14Nagħmel ħerba d-dwieli u t-tin tagħha,

li għalihom qalet: ‘Dawn huma l-ħlas li tawni ħbiebi’,

nagħmilhom masġar fejn jirgħu l-bhejjem tar-raba’.

15Inġegħelha tħallas għall-jiem kollha

li fihom offriet l-inċens quddiem Bagħal,

u żżejnet bid-deheb u l-ġawhar u ġriet wara ħbiebha;

u lili nsietni,” jgħid il-Mulej.Imħabba mill-ġdid

16“Għalhekk, araw, jiena se niġbidha,

neħodha fid-deżert u lil qalbha nkellem.

17Minn hemm nagħtiha lura

l-għelieqi tad-dwieli li kellha,

u wied Għakor ikunilha bieb għat-tama.

Hemmhekk hi twieġeb bħal fi żmien żgħożitha,

bħal fi żmien ħruġha minn art l-Eġittu.

18U jiġri f’dak il-jum,

oraklu tal-Mulej,

li hi ssejjaħli: ‘Żewġi’;

lili ma ssejjaħlix ‘Sidi’, iżjed.

19Inneħħilha minn fommha isem il-Bagħalim

u isimhom ma ssemmihx aktar.

20U f’dak il-jum nagħmel patt għalihom

mal-bhejjem tar-raba’ u mat-tjur tal-ajru

mal-annimali li jitkaxkru mal-art,

u nkisser minn fuq l-art

il-qaws, ix-xabla u l-gwerra;

kulħadd jorqod moħħu mistrieħ.

21“Għal dejjem ngħarrsek miegħi,

ngħarrsek miegħi fis-sewwa u l-ħaqq, fl-imħabba u l-ħniena,

22b’rabta fidila jiena ngħarrsek miegħi,

u int tagħraf lill-Mulej.

23F’dak il-jum, oraklu tal-Mulej,

is-smewwiet ikollhom tweġiba mingħandi,

24u l-art ikollha tweġiba mingħandhom;

u l-qamħ u l-inbid u ż-żejt ikollhom tweġiba mill-art,

u Ġeżragħel ikollu tweġiba mingħandhom.

25U niżirgħu għalija fl-art,

u nħobb lil ‘Lo-ruħama’,

u lil ‘Lo-għammi’ ngħidlu: ‘Inti l-poplu tiegħi’

u hu jgħidli: ‘Alla tiegħi’.”

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help