1Ibni, jekk tiġi biex taqdi lill-Mulej
ħejji ruħek għat-tiġrib.
2Kun sinċier f’qalbek u żomm sħiħ,
biex ma tinfixilx fi żmien l-għawġ.
3Ingħaqad miegħu u titilqux,
u tikber fil-ġieħ fi tmiem ħajtek.
4Kulma jiġi fuqek ilqgħu,
u żomm sħiħ fit-tibdil li jumiljak.
5Għax id-deheb jippruvawh fin-nar,
u n-nies magħżula fil-forn tal-umiljazzjoni.
6Afda fil-Mulej u jieqaf miegħek,
żomm triqatek dritti u ittama fih.
7Intom li tibżgħu mill-Mulej stennew ħnientu,
u toħorġux mit-triq li ma tmorrux taqgħu.
8Intom li tibżgħu mill-Mulej afdaw fih,
u ma jonqoskomx il-ħlas tagħkom.
9Intom li tibżgħu mill-Mulej, ittamaw fi ħwejjeġ tajba,
fl-hena ta’ dejjem u fil-ħniena.
10Ħarsu lejn il-ġenerazzjonijiet ta’ dari u araw:
min qatt ittama fil-Mulej u kellu għax jistħi?
Jew min żamm fil-biża’ tiegħu, u l-Mulej ħallieh waħdu?
Jew min sejjaħlu, u l-Mulej ma tax kasu?
11Għax il-Mulej tiġih ħasra u jħenn,
jaħfer id-dnubiet u jsalva fi żmien l-għawġ.
12Ħażin għalihom ta’ qalbhom maqtugħa u ta’ idejhom mitluqa,
u għall-midneb li jgħix ħajja doppja.
13Ħażin għalikom li qtajtu qalbkom għax bla fidi;
b’hekk ma jkollux fejn jistkenn.
14Ħażin għalikom li tliftu s-sabar!
X’se tagħmlu meta jistħarriġkom il-Mulej?
15Dawk li jibżgħu mill-Mulej ma jiksrux kelmtu,
u dawk li jħobbuh iħarsu triqatu.
16Dawk li jħobbu l-Mulej ifittxu li jogħġbuh,
u dawk li jħobbuh huma mimlija bil-Liġi tiegħu.
17Dawk li jibżgħu mill-Mulej iħejju ruħhom,
u quddiemu jċekknu ruħhom.
18Nintelqu f’idejn il-Mulej
u mhux f’idejn il-bniedem,
għax bħalma hu l-kobor tiegħu,
hekk ukoll il-ħniena tiegħu.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.