1Iltewa Bel, tgħawweġ Nebu!
Saru xbihathom tagħbija għall-bhejjem,
tagħbija għad-dbejjeb;
tagħbijietkom tagħbija għall-bhejjem mifnija.
2Tgħawġu u ltwew flimkien,
ma jifilħux isalvaw lil min iġorrhom;
u huma nfushom imorru fil-jasar.
3Isimgħuni, dar Ġakobb,
u l-fdal kollu ta’ dar Iżrael;
ġarrejtkom sa mit-twelid,
erfajtkom sa mill-ġuf.
4Sa xjuħitkom jien dejjem hu,
sa meta jibjad xagħarkom nibqa’ nġorrkom.
Jiena għamiltkom u jien nitgħabba bikom;
u jien inġorrkom u nsalvakom.
5Ma’ min se xxebbhuni u ddaqqsuni,
tqabbluni bħallikieku ndaqs?
6Dawk li joħorġu d-deheb mill-ħorġa
u jiżnu l-fidda bil-miżien,
jikru l-arġentier biex jagħmilhielhom alla,
li mbagħad quddiemu jmilu u jqimuh wiċċhom mal-art!
7Jerfgħuh fuq l-ispallejn u jġorruh,
u jqegħduh f’postu u jibqa’ hemm,
u minn postu ma jiċċaqlaqx.
Jekk xi ħadd isejjaħlu, ma jweġibx,
u minn hemmu ma jeħilsux.
8Ftakru f’dan u kunu rġiel;
aħsbu fih, ja midinbin.
9Ftakru fl-ibgħad żminijiet,
għax jien hu Alla, u ħadd ħliefi m’hemm.
Jien Alla u m’hemm ħadd bħali.
10Sa mill-bidu ngħarraf it-tmiem,
u sa minn qabel dak li ma seħħx,
u ngħid: ‘Il-ħsieb tiegħi għad iseħħ,
u nagħmel kulma rrid:
11insejjaħ tajra tal-priża mil-Lvant,
mill-art imbiegħda l-bniedem li jtemm ħsiebi.
Hekk tkellimt u hekk nagħmel;
hekk iddeċidejt, u nagħmel hekk.
12Isimgħuni intom ta’ qalb iebsa,
intom l-imbegħdin mis-sewwa
13Inqarreb il-ġustizzja tiegħi:
mhijiex fil-bogħod,
u s-salvazzjoni tiegħi ma tiddawwarx.
U nqiegħed is-salvazzjoni f’Sijon
għal Iżrael, il-foħrija tiegħi.”
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.