1Qawwi fit-taqbid kien Ġożwè bin Nun,
u suċċessur ta’ Mosè bħala profeta.
Dan ismu miegħu:
kien feddej kbir tal-magħżulin ta’ Alla,
biex jitħallas mill-għedewwa li qamu għalihom,
u hekk jagħti wirtu lil Iżrael.
2Kemm kien ta’ ġieħ meta rafa’ jdejh
u venven ix-xabla kontra l-ibliet!
3Min qatt waqaf hekk qablu?
Għax hu mexxa l-gwerer tal-Mulej.
4Ma kienx b’idu li waqqaf ix-xemx,
u jum wieħed twal daqs tnejn?
5Sejjaħ lill-Għoli, is-Setgħan,
waqt li għafas fuqu l-għadu minn kull naħa,
u l-Mulej ta’ kobor bla qjies wieġbu
b’xita ta’ silġ li niżlet b’saħħa kbira.
6Ġieb gwerra fuq dak il-ġens
u fin-niżla xejjen lil dawk li waqfulu,
biex il-ġnus jagħrfu l-ħila tiegħu fit-taqbid,
għax kien jiġġieled taħt il-ħarsien tal-Mulej.Kaleb
7Għax hu mexa wara l-Qawwi,
u fi żmien Mosè għamel att ta’ ħniena,
hu u Kaleb bin Ġefunni,
meta waqfu lill-ġemgħa
u ma ħallewhiex tidneb,
u sikktu tgergir malizzjuż.
8U dawn it-tnejn biss inħelsu
minn sitt mitt elf li kienu miegħu,
biex idaħħlu lil Iżrael f’wirtu,
fl-art li tnixxi ħalib u għasel.
9U l-Mulej ta saħħa lil Kaleb,
li baqgħet għandu sa xjuħitu,
biex jitla’ f’naħa għolja tal-art,
li nislu ħadha f’idejh b’wirt,
10biex hekk jaraw l-ulied kollha ta’ Iżrael
kemm hu sewwa li wieħed jimxi wara l-Mulej.
L-Imħallfin11L-imħallfin ukoll, kull wieħed b’ismu,
li qalbhom ma kinitx waqgħet fiż-żina,
u li ma tbegħdux mill-Mulej:
tkun imbierka t-tifkira tagħhom!
12Jalla għadamhom jieħu r-ruħ minn fejn qiegħed,
u isimhom jiġġedded
u jissebbaħ f’uliedhom.
Samwel13Samwel kien maħbub mill-Mulej tiegħu;
bħala l-profeta tal-Mulej waqqaf is-saltna,
u bid-dilka ħatar mexxejja fuq il-poplu tiegħu.
14Għamel ħaqq mill-ġemgħa bil-Liġi tal-Mulej,
u l-Mulej ħa ħsieb Ġakobb.
15Bil-fedeltà tiegħu deher li kien tabilħaqq profeta,
u minn kliemu kont tara
li kien ta’ min joqgħod fuqu.
16Sejjaħ lill-Mulej, il-Qawwi,
meta l-għedewwa tiegħu kienu qed
irossu fuqu minn kull naħa,
bl-offerta ta’ ħaruf tal-ħalib.
17U l-Mulej riegħed mis-smewwiet,
u samma’ leħnu f’ħoss kbir;
18u ġieb fix-xejn il-mexxejja ta’ Tir
u l-kapijiet tal-Filistin.
19U qabel ma wasallu żmien il-mistrieħ ta’ dejjem,
xehed quddiem il-Mulej u l-midluk tiegħu:
“Ebda ġid, lanqas biss qorq,
qatt ma ħadt lil ħadd.”
U l-ebda bniedem ma qam jixlih.
20Saħansitra wara li miet ħabbar,
u wera lis-sultan it-tmiem tiegħu,
u mill-art għolla leħnu bil-profezija
biex iħassar ħażen il-poplu.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.